Il-Malta Football Association u l-Malta Premier League, immexxija mill-Malta Professional Football Clubs Association – MPFCA, ħabbru sensiela ta’ tibdil għall-Kampjonat Premier sa mill-istaġun li ġej, fosthom li kull klabb tal-Kampjonat Premier se jkun jista’ jinżel fil-grawnd bi 8 plejers li mhux ‘home-grown’, meta kumparat mal-limitu ta’ 7 plejers sal-istaġun li għadda.
Il-klabbs tal-Kampjonat Premier jistgħu jirreġistraw 14-il plejer li mhux ‘home-grown’, kif ukoll 2 oħra jekk dawn jintbagħtu ma’ klabb ieħor b’self. Qabel, il-limitu kien ta’ 12-il plejer mhux ‘home-grown’ fl-iskwadra, u ieħor li jrid jiġi misluf.
Dan minbarra li l-lista tal-iskwadra issa se tikber minn 24 plejer, kif kienet attwalment, għal total ta’ 28 plejer.
Fil-lista tal-logħba, il-klabbs se jkunu jistgħu jinkludu 11-il plejer li mhux ‘home-grown’, kumparat mad-9 permessi s’issa. Madankollu, l-ammont ta’ plejers li mhux ‘home-grown’ fuq it-team sheet ma jistax jaqbeż dak tal-plejers ‘home-grown’.
Fl-istess waqt, inħoloq fond ta’ €300,000 bħala inċentiv lill-klabbs li jużaw plejers ‘home-grown’. Dan japplika f’każ ta’ goalkeepers li twieldu fl-2000 jew wara, kfi ukoll plejers li twieldu fl-2003 jew wara.
It-tibdil l-ieħor jinkludi:
- Il-Kampjonat Premier se jkun kompost minn 14-il skwadra, li kollha se jilgħabu 26 darba f’format round-robin, b’waqfa għall-Milied skedata bejn it-18 ta’ Diċembru u l-5 ta’ Jannar;
- Il-logħob kollu se jintlagħab fuq perjodu ta’ 25 tmiem-il ġimgħa, u ġurnata waħda li se tintlagħab fost il-ġimgħa;
- Il-kampjonat jibda fil-15 ta’ Settembru, se jkun hemm 182 logħba u mifruxa fuq tliet stadiums – Stadium Nazzjonali, Tony Bezzina u Centenary Stadium.
It-tibdil tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo u l-President tal-Malta Premier League Joseph Muscat.
Dawn il-bidliet saru wkoll fl-isfond ta’ Memorandum of Understanding iffirmat bejn iż-żewġ entitajiet għall-2023/24, waqt li għaddejjin diskussjonijiet biex bejniethom jorganizzaw u jimmaniġġjaw il-Kampjonat Premier għall-ħames staġuni li jmiss.
//= $special ?>