Trabijiet. Ansjetà. Skart. Telqa. Żieda fil-prezzijiet u l-kontijiet.
Iżda skont Joseph Muscat kulħadd qed jgħix bħala “sinjur żgħir”.
Dan meta uħud mhux ilaħqu sal-aħħar tat-tielet ġimgħa, bl-ispejjeż jiżdiedu. Iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw imsalbin bil-loans jew jiċċapsu b’kirja għolja…bil-koppji joħorġu t-tnejn jaħdmu …..u t-tfal (għal min jista’) jitħallew man-nanniet. Dan filwaqt li s-sistema tas-saħħa mhux tlaħħaq, il-provvista tal-elettriku għarkupptejha….traffiku u staġnar kullimkien. Pajjiż fgat…bit-turisti jisħqu li ma jridux jerġgħu iżuruna.
Mudell ekonomiku li wassal biex fost il-familji Maltin u Għawdxin ….aktar minn 16% minnhom jinsabu fir-riskju tal-faqar. B’terz tal-Maltin din is-sena iddeċidew li ma jmorrux vaganzja.
Pajjiż li mhux qed jiflaħ aktar għal piż qawwi taż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni fl-aħħar 10 snin. Dan grazzi għall-istrateġija ekonomika applikata mill-Gvern tal-Labour – mudell li nibet taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.
It-Tlieta filgħodu Net News saqsa proprju lil Joseph Muscat jekk basarx li sforz id-deċiżjonijiet li ħa…il-familji Maltin u Għawdxin kienu se jispiċċaw f’dan l-istat. B’Muscat jinsisti li kulħadd sar sinjur żgħir.
Fit-tweġibiet tiegħu…. Muscat għażel li jmur kontra l-Ministru tal-Finanzi attwali Clyde Caruana illi issa qed jgħid li pajjiżna jeħtieġ bidla fil-mudell ekonomiku.
Iżda la Robert Abela u wisq inqas il-moħħ wara l-mudell ekonomiku preżenti…ċioè Muscat…ma jridu din il-bidla. B’sorsi jisħqu li dan qed isir sabiex tal-qalba jibqgħu jistgħanew.
t News staqsa lil Joseph Muscat jekk jaqbilx li d-Deputat Parlamentari Indipendenti Rosianne Cutajar tiġi introdotta mill-ġdid fil-Partit Laburista wara l-pressjoni li qed issir internament fuq Robert Abela.
Filwaqt li Muscat qal li hija proprju prerogattiva tal-istess Abela u l-Partit Laburista, huwa stqarr li hija kienet eletta mill-poplu u fl-ebda ħin ma qal li ma jaqbilx. Minkejja dan kollu meta kien affaċċjat bis-suġġett taċ-chats bejn Cutajar u Yorgen Fenech….b’referenza partikolari għal meta qalet li kulħadd jitħanżer….Muscat ħarab milli jwieġeb.
