Lokali

Raġel li nstab ħati li importa splussivi u li pprova jixtri veleni letali fuq id-darkweb jinsab imfittex

Jomic Calleja Maatouk instab ħati f’Lulju, iżda l-pulizija ma jafux fejn qiegħed.

Sorsi qalu lil Times of Malta illi Calleja Maatouk ta’ 36 sena naqas milli jiffirma ktieb tal-pleġġ għal numru ta’ ġranet, u issa meqjus bħala raġel imfittex.

Is-sieħba tiegħu ġiet irrappurtata nieqsa wkoll, bil-membri tal-familja jgħidu lill-awtoritajiet li ilhom ġranet ma jisimgħu mingħandha.

Uffiċjali qed jissuspettaw li r-raġel u s-sieħba tiegħu telqu mill-pajjiż, u t-Times of Malta ma setgħux isiru jafu jekk l-awtoritajiet lokali irraputawx dan il-każ lil Interpol, jew jekk bdewx jaħdmu fuq mandat ta’ arrest Ewropew fuq l-imputat.

Hu ġie kkundannatat ħames snin ħabs f’Lulju wara li l-Maġistrat ikkonkludiet li kien ħati li importa splussivi, iffalzifika d-dokumenti, li uża d-dokumenti iffalsifikati, li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-ħelsien mill-arrest u li sar reċidiv.

Il-Qorti semgħet evidenza ta’ kif hu kien ipprova jixtri dożi letali ta’ materjal radjuattiv Polonium-210, il-velenu tossiku Ricin, il-mediċina qattiela Fentanyl u splussiv C-4 mis-suq tad-darkweb. Huwa qal lill-bejjiegħ li kellu bżonn “ħames dożi” tas-sustanzi velenużi u li fil-futur ser ikollu bżonn iżjed.

Meta kkundannatu, il-Maġistrat iddeskrivietu bħala “arma letali” li kienet lesta tiftaħ “il-bibien tal-infern fuq min hu qies bħala inkonvenjent li jiġi eliminat. Iżda fis-sistema ġudizzjarja ta’ Malta, dan fisser li minkejja li hu “arma letali”, xorta tħalla barra wara li nstab ħati.

Ir-raġel imfittex għandu rekord kriminali twil… kif ukoll storja li jaħrab mid-driegħ twil tal-liġi.

Fl-2015, hu ġie arrestat abbord ferrovija fi Sqallija li kienet sejra lejn l-Italja, wara li telaq minn Malta hekk kif affaċċja proċeduri kriminali relatati mat-traffikar tal-kannabis.