Riskors li preżenta l-whistleblower illi kixef il-każ skandaluż li kien għaddej fi Transport Malta b’rabta mat-testijiet tal-liċenzji tas-sewqan issa qed jitfa’ dawl fuq skandlu ġdid – skandlu li juri kif allegatament il-Gvern jew uffiċjali tal-Partit Laburista kienu involuti fi “skema kriminali” biex barranin jivvutaw lill-Partit Laburista. U allura, fi kliem sempliċi, skema ta’ xiri ta’ voti.
Din l-akkuża serja tasal permezz ta’ rikors li sar minn Adel Ali Hassan, li għal numru ta’ snin serva bħala Segretarju tal-Labour fil-kumitat ta’ Ħal Balzan.
Dan il-barrani huwa l-istess “Aziz” illi kien għamel referenza għalih il-Professur Arnold Cassola; il-persuna li spiċċa kellu jitlaq minn pajjiżna wara li waqfulu l-permess ta’ residenza sabiex ipattuwielu bil-pulit.
Ir-rikors, preżentat minn Adel, jikxef din l-iskema kriminali li permezz taghha, diversi barranin li jkollhom ċittadinanza Maltija u jkunu mietu, ma jinħarġilhomx ċertifikat tal-mewt – iżda id-dettalji tagħhom, inkluż in-numru tal-Karta ta’ Identità tagħhom, jiġu trasferiti fuq barranin oħra f’Malta biex dawn ikunu jistgħu jivvutaw għall-Partit Laburista.
Ir-rikors, iffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, jindika illi Adel jaf dettalji ta’ somom ta’ eluf kbar ta’ ewro li tħallsu u għaddew mill-idejn biex dawn tal-aħħar jinghataw il-Karta tal-identità Maltija bid-dritt tal-vot.
Uħud minn dawn il-persuni li akkwistaw l-isem u l-kunjom u l-ID Card ta’ persuna mejjet jew mejta, kienu huma stess li ammettew dan kollu mal-istess Adel.
Ir-rikors jindika wkoll li hu għandu lista ta’ ismijiet, bid-dettalji tagħhom diġa’ għaddihom lill-avukati.
Intant, il-barrani li ressaq dan ir-rikors iddikjara li meta mar ikellem ufficjali għoli tal-Istat fil-Palazz Presidenzjali u fetah qalbu dwar dak kollu li kien għaddej minnu, għax sempliċiment ried jikxef korruzzjoni sistematika, ir-risposta li inghata kienet: “attent, għax qed tirfes ħafna kallijiet u jagħmlulek bħal Daphne”.
Adel qed jgħid illi hu lest ipoġġi lilu nnifsu għad-disposizzjoni tal-kawża li qed tmexxi l-Maġistrat Rachel Montebello dwar il-każ tat-testijiet tas-sewqan. Għalkemm hu għadu qed jibża’ mis-sigurtà ta’ ħajtu, tant illi talab jagħti x-xhieda tiegħu permezz ta’ video conferencing jew kwalunkwe mod ieħor li jkun idoneju għall-Qorti. Dan sabiex ħajtu ma titpoġġiex f’riskju.