Internazzjonali

Sitt itfal fost dawk li ilhom 6 sigħat maqbuda 82 sular ‘il fuq f’cable car fil-Pakistan

Tmien persuni, inkluż sitt itfal, jinsabu maqbuda f’cable car fil-provinċja Khyber-Pakhtunkhwa fil-Pakistan.

Kollox beda għall-ħabta tat-8am, ħin lokali, wara li wieħed mill-ħbula tal-cable car inqata’. Huma jinsabu madwar 274 metru ‘l fuq, jew f’ċifri oħra, 82 sular ‘il fuq.

Bħalissa għaddejja ħidma delikata hekk kif il-cable car tinsab imdendla f’nofs imkien, iżżomm biss b’ħabel wieħed.

Wieħed minn dawk abbord il-cable car huwa żagħżugħ ta’ 16-il sena li għandu problemi f’qalbu. Skont rapporti, iż-żagħżugħ ilu mitluf minn sensih għal dawn l-aħħar 3 sigħat. Jidher li huwa kien sejjer fi sptar permezz ta’ din il-cable car.

Il-cable car tintuża’ bħala mezz ta’ trasport biex jaqsmu x-xmara li hemm fiz-zona minħabba li hemm nuqqas ta’ toroq u lanqas hemm pont biex wieħed jagħmel użu minnhom. Din il-cable car saħansitra tintuża’ mit-tfal biex imorru l-iskola. Fil-fatt, uħud mit-tfal li kien hemm abbord kienu sejrin l-iskola.