L-eks internazzjonali Franċiż Thierry Henry inħatar kowċ tal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena ta’ Franza b’kuntratt sal-2025.
L-eks stilla ta’ Arsenal se jkun qed imexxi lit-tim fl-Olimpjadi ta’ Pariġi s-sena d-dieħla minnflok Sylvain Ripoll li tkeċċa wara l-eliminazzjoni fil-kwarti finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena kontra l-Ukrajna. L-eks manager ta’ Angers Gerald Baticle se jkun qed jassisti lil Henry f’din l-esperjenza.
Henry se jkun qed jirritorna fuq il-bank wara l-aħħar esperjenza tiegħu bħala assistant coach tat-tim nazzjonali tal-Belġju fl-aħħar Tazza tad-Dinja fil-Qatar.
Huwa kellu esperjenzi oħra bħala kowċ fil-livell ta’ Youths ta’ Arsenal, ma’ AS Monaco f’Ligue 1 u ma’ Montreal fl-MLS.
Henry spiċċa l-karriera tiegħu fl-2014 bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Arsenal b’228 gowl filwaqt li skorja 51 gowl ieħor mat-tim nazzjonali Franċiż f’123 logħba.
Id-debutt ta’ Henry fuq il-bank tal-iskwadra ta’ taħt il-21 ta’ Franza se jkun f’partita ta’ ħbiberija kontra d-Danimarka fis-7 ta’ Settembru, qabel l-ewwel impenn kompetittiv erbat ijiem wara kontra s-Slovenja fil-kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej.
//= $special ?>