Għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun li beda x-xahar li għadda.
Dan huwa wieħed minn 12-il proġett li ġew magħżula s-sena li għaddiet bħala parti mill-Iskema għal Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Mit-tnedija ta’ din l-iskema, fl-2015, tlestew total ta’ 43 proġett f’diversi lokalitajiet.
Il-Kappella ta’ San Klement tinsab fiż-żona t’isfel taż-Żejtun, lokalment magħrufa bħala r-raħal t’isfel. Il-kappella nbniet fl-1658 minn Klement Tabone bħala gratitudni lil San Klement wara li salva ruħu mill-attakk tat-Torok fuq Malta fl-1614. Fuq il-ġebel taħt l-arma tal-familja Tabone fuq l-entratura prinċipali wieħed jista’ jsib imnaqqxa s-sena ta’ meta tpoġġiet l-ewwel ġebla.
Il-Perit Ivana Farrugia, responsabbli minn dan il-proġett, tkellmet fuq ir-restawr li qed isir fuq il-kappella fejn spjegat li qed isir tindif, konsolidazzjoni u irpuntar mill-ġdid tal-ħitan ta’ barra.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett, li qed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, huwa mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.