L-istazzjon Sky Sports tal-Ingilterra skużaw ruħhom wara kummenti ‘insensittivi’ fil-konfront tal-Manager ta’ Everton Sean Dyche waqt il-konfront bejn Aston Villa u Everton, partita li ntrebħet minn Villa 4-0.
Il-kummentaturi Bill Leslie u Andy Hinchcliffe waqt il-partita kkummentaw li Dyche kien qisu ‘kuppier tal-casino’. Dyche kien liebes faxxa sewda biex ifakkar il-memorja ta’ Michael Jones li sfortunatament miet waqt xogħol ta’ kostruzzjoni fl-istadium il-gdid tat-Toffees
Kelliem għal Sky Sports qal li l-kummenti li ntqalu kienu ‘insensittivi u tal-misħija’ Huwa kompla jgħid li kull min kien involut, inkluż iż-żewġ kummentatturi, ġew mitkellma u mfakkra fir-responsabiltajiet li għandhom u l-bżonn ta’ sensittività f’dak li jgħidu waqt il-kummentarji.
Iż-żewġ kummentaturi wkoll talbu apoloġija u qalu li jiddispjaċihom għal dak li qalu.
Jones, ħaddiem tal-kostruzzjoni ta’ 26 sena, il-ġimgħa l-oħra miet f’inċident waqt il-bini tal-Bramley-Moore Dock, l-istadium il-ġdid ta’ Everton li għad trid tkun konfermata d-data meta se jkun qed jibda jintuża.
Plejers u membri tal-istaff tekniku libsu faxex suwed filwaqt li ddendlu strixxuni u kien hemm applawż kollettiv fl-istadium fis-26 minuta f’Villa Park għall-memorja ta’ Jones.
Minn naħa l-oħra, il-Manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp flimkien mal-iskwadra ta’ Liverpool poġġew fjuri fejn ir-River Mersey qabel il-konfront tagħhom kontra Bournemouth is-Sibt li għadda.
Anke waqt il-partita ta’ Liverpool kien hemm applawż fis-26 minuta b’tifkira ta’ Michael Jones.
