Futbol Sport

Dan is-suċċess se jkun importanti għal dawk it-tfajliet li jiddeċiedu li jibdew il-karriera tal-futbol – Pedro Sanchez (Prim Ministru ta’ Spanja)

(Ritratt: EPA)

Il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sanchez iltaqa’ mal-plejers u uffiċjali tat-tim nazzjonali tan-nisa tal-football ta’ Spanja wara li l-Ħadd li għadda rebħu it-Tazza tad-Dinja FIFA tan-Nisa.

Fi stqarrija Sanchez irrifera għar-rebħa fuq l-Ingilterra bħala kisba enormi li se tkun importanti ħafna għat-tfajliet li jiddeċiedu li jibdew karriera fil-futbol. Spanja rebħet it-Tazza tad-Dinja FIFA għall-ewwel darba fl-istorja meta għelbet lill-Ingilterra 1-0 fil-finali fi Stadium Australia f’Sidney.

Fl-udjenza mal-Prim Ministru Sanchez, il-kontinġent tmexxa mill-President tal-Federazzjoni Luis Rubiales, mill-captain Olga Carmona li skorjat ukoll il-gowl tar-rebħa u mill-kowċ Jorge Vilda li kellu jibni tim ġdid wara li ftit aktar minn sena ilu 15-il plejer tat-tim Nazzjonali ddeċidew li ma riedux jirrappreżentaw aktar lil pajjiżhom.

Spanja saret il-ħames pajjiż mill-1991 li rebħet it-Tazza tad-Dinja wara l-edizzjonijiet mirbuħa mill-Istati Uniti, il-Ġermanja, in-Norveġja u l-Ġappun.