Il-Partit Laburista sa issa ma ċaħadx l-allegazzjonijiet serji ta’ tbaghbis fid-dettali tal-votanti li huma reġistrati f’pajjiżna. Għalkemm id-Deputat Laburista Chris Bonett, li huwa parti mill-Kabinett ta’ Robert Abela, ħass li kellu jikkummenta dwar dan l-iskandlu.
B’mod mill-iktar partiġġjan … Chris Bonett għażel li jinjora dak li kien żvelat it-Tlieta b’rabta mal-iskema ta’ xiri ta’ voti mill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, u ikkummenta biss sabiex jattakka lill-Partit Nazzjonalista.
F’post fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari kiteb li skont hu, dak li kien allegat fil-Qorti, huwa biss skuża ġdida biex jintefa’ dubju fuq l-elezzjoni ta’ sena ilu. Dan filwaqt illi fl-istess post, Chris Bonett ħass li għandu jiżżufjetta wkoll bil-mejtin.

Il-kitba tiegħu ġibed kritika enormi, inkluż minn partitarji Laburisti. B’kumment partikolari jgħid li tal-Labour kibritilhom rashom u qed jaraw lil kulħadd dubbien – tant illi jaħsbu li ma jista’ għalihom ħadd. Dan filwaqt illi kien hemm min stqarr li dawk fil-Gvern qed jistmaw lin-nies ta’ żibel, u li ta’ dan iridu jħallsu.
Persuna partikolari saħqet li ma kinitx tistenna kumment bla sens bħal dan minn Deputat Laburista li jwaqqa’ taċ-ċajt whistleblower f’każ li għadu għaddej fil-Qorti. Xi ħadd fakkar illi kien whistleblower Laburista li żvela din l-informazzjoni; u mhux il-Partit Nazzjonalista – filwaqt li persuni oħra kitbu li l-Labour nesa lill-ħaddiema Maltin u li l-Partit Laburista huwa magħruf li jisraq l-elezzjonijiet.