Eluf ta’ nies qed jaħarbu mill-kapitali Port-au-Prince u l-madwar minħabba l-periklu kontinwu ta’massakri mill-membri tal-gruppi armati –jew gangs – li qed joħolqu klima impossibbli għall-ħajja….Sitwazzjoni li sallum issarrfet f’aktar minn 2,500 vittma fil-kapitali mill-bidu tas-sena ‘il hawn.
In-Nazzjonijiet Uniti qed issegwi s-sitwazzjoni f’Haiti b’ansjetà kbira u wara li talanqas 7,000 resident, fl-aħħar jiem, abbandunaw id-distrett ta’ Carrefour-Feuilles li waqa’ taħt il-kontroll tal-gruppi kriminali.
Dan waqt li l-entitajiet għall-għajnuna lokali kellhom iwaqqfu s-servizzi kruċjali għall-komunitajiet wara li l-Gvern ma rnexxilux jikkontrolla l-mewġa ta’ vjolenza attwali.
Intant, hemm tamiet li ‘il quddiem tintervjeni qawwa multinazzjonali – taħt it-tmexxija tan-NU – li tgħin għar-restawr ta’ ftit normalità fil-kapitali ta’ Haiti.
Iżda s-sitwazzjoni f’ Carrefour-Feuilles u d-distretti fil-madwar qed tidher tassew iddisprata wara xhur ta’ battalji bejn il-gangs u meta l-familji innoċenti qed jinqabdu fil-qalba tal-ġlied. Fl-istess ħin saru komuni x-xeni tal-eżodu tar-residenti li qed jitilqu mill-kapitali bil-ftit affarijiet personali li jistgħu jġorru magħhom.
Haiti hu fost l-aktar pajjiżi tad-dinja li (minbarra l-faqar enormi) qed jikkonfrontaw livell ta’ vjolenza straordinarja wara għexieren ta’ snin ta’ instabbiltà, diżastri naturali u katastrofi ekonomiċi. Il-vjolenza splodiet tassew fil-pajjiż wara l-assassinar, fl-2021, tal-President Jovenel Moïse – bir-riżultat li l-parti kbira tat-territorju (f’Haiti) ma’ baqax taħt il-kontroll tal-Gvern.
Sadanittant, l-Uffiċċju tad-Drittijiet Umani tan-NU qed jevalwa l-aħjar mod kif jindirizza l-atmosfera tqila ta’ brutalità’ u l-vjolenza regolari fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili ta’ Haiti.
//= $special ?>