Għada filgħodu, it-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi flimkien mal-Kelliem għall-Wirt Storiku, l-Arti u l-Kultura se jkunu qed jippreżentaw talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-infieq tas-somma ta’ €136,793,533 mill-fondi pubbliċi li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset lill-benefiċċjarji li huma soċjetajiet irreġistrati barra minn pajjiżna li tħallsu fil-perjodu ta’ bejn is-17 ta’ Settembru 2018 u 8 ta’ Awwissu 2023.
Miċ-ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Għajnuna mill-Istat (State Aid), jirriżulta li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset, jew obbligat ruħha li tħallas, l-ammont globali ta’ €143,833,464 minn fondi pubbliċi f’ħames snin favur diversi benefiċċjarji privati, iżda €136,793,533 intefqu fuq benefiċċjarji barranin.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li hemm numru ta’ persuni u soċjetajiet Maltin f’dan is-settur li jiddependu fuq din it-tip ta’ għajnuna minn fondi pubbliċi, kemm biex insaħħu l-kultura Maltija u anke biex intejbu r-riżorsi ħalli jkompli jiżviluppa t-talent lokali u għalhekk, hu fl-interess pubbliku li nassiguraw li dan it-tip ta’ infieq ta’ fondi pubbliċi mhux qed iċaħħad, jiddiskrimina u/jew iżomm lura b’xi mod meta mqabbel mal-infieq li qed isir biex nakkomodaw soċjetajiet esteri.
Fost id-diversi talbiet li se jkunu ppreżentati lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Partit Nazzjonalista se jitlob investigazzjoni dwar jekk il-Kummissjoni Maltija tal-Films addottatx proċedura partikolari ta’ skrutinizzar ta’ dokumentazzjoni biex jinħarġu dawn il-pagamenti u jekk din il-proċedura kinitx in linea mal-prinċipju ta’ governanza tajba u biex ikun stabbilit liema proċedura qed tkun addottata, x’inhuma r-rekwiżiti mill-Kummissjoni biex ikunu approvati dawn il-pagamenti mill-fondi pubbliċi u jekk sarx eżerċizzju diliġenti u studjat ta’ x’benefiċċji se jkun qed jieħu lura l-pajjiż għal kull nefqa mill-fondi pubbliċi. Fl-istess waqt, biex ikun assigurat jekk sarx eżerċizzju sew ta’ skrutinju mill-Ministeru tat-Turiżmu fost oħrajn.
Dawn l-ammonti jikkuntrastaw sew mal-estimi tal-Budget għall-2023, b’mod partikolari fl-allokazzjoni kapitali tal-Ministeru tat-Turiżmu, fejn il-Kummissjoni Maltija tal-Films ġiet allokata s-somma globali ta’ €14,000,000, liema ammont allokat hu ferm iżgħar minn dak ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.
Iżda hu konsistenti ma’ dak li sab l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika stess, fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi għall-2020, li l-Kummissjoni Maltija tal-Films qed tagħmel “extravagance in the use of public funds”.
Dan kollu ħareġ minn stqarrija tad-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott, Julie Zahra, David Agius kif ukoll Graham Bencini.
//= $special ?>