Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, akkuża ċar u tond lill-Punent bħala ‘il-vera aggressur’ fil-gwerra tal-Ukrajna. Dan waqt li hu prova jiskuża l-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tiegħu bħala ‘azzjoni biex tiddefendi l-kultura, it-tradizzjonijiet u l-futur tal-Ukreni’.
Putin qal dan waqt li kien qed jindirizza lis-summit tal-Brics fl-Afrika t’Isfel permezz ta’ videolink u fejn kien irrappreżentat mill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov. Putin ma jissugrax li jivvjaġġa wisq ‘il barra minn pajjiżu minħabba li hu suġġett għal mandat ta’ arrest internazzjonali bħala allegat kriminal tal-gwerra.
Fid-diskors, Putin insista li numru ta’ pajjiżi tal-Punent qed jippromwovu l-kolonjaliżmu bħala politika li, skont hu, ‘wasslet għall-kriżi attwali fl-Ukrajna’.
Hu kompla li l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna huma tweġiba għall-‘gwerra xprunata mill-Punent’ waqt li spjega li ‘l-aspirazzjoni ta’ xi pajjiżi biex jippreservaw l-influwenza tagħhom fid-dinja wasslet għall-kolp ta’ stat li kien seħħ (fl-Ukrajna) fl-2014 u fejn ir-Russi ħatfu l-kontroll tal-penisola tal-Krimea’.
Sadanittant, l-osservaturi qalu li Putin qed jipprova jikkonvinċi lid-dinja li teżisti ‘realtà alternattiva’ bil-mod kif qed ifittex diversi raġunijiet għall-gwerra fl-Ukrajna li għadha kemm għalqet sena u nofs.
Dan ukoll meta r-Russja, illum, qed tbati l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna fost l-attakki ta’ kuljum bid-drones kontra l-ibliet tagħha.
Fil-fatt, l-indirizz ta’ Putin lis-summit tal-Brics sar ftit sigħat wara li tliet persuni nqatlu waqt attakk minn drone fuq l-inħawi ta’ Belgorod, qrib il-fruntiera mal-Ukrajna. Filwaqt li l-attakki bid-drones fuq ir-Russja qed ikunu konsistenti, din hi l-ewwel darba li l-awtoritajiet tal-Kremlin ammettew li azzjoni minnhom ħalliet il-konsegwenzi fatali.
Intant, attakk ieħor bid-drones mill-artijiet tal-Ukrajna kien dirett mill-ġdid lejn Moska – b’wieħed minnhom jikkaġuna l-ħsarat fi skyscraper ftit ‘il hinn mill-qalba tal-kapitali.
//= $special ?>