Ritratti li jitkellmu waħedhom. Din hija r-realtà fil-Port il-Kbir b’dgħajjes li jarmu dħaħen kbar u li jkomplu jżidu mal-problema tat-tniggis fl-arja. Dan kollu għad-detriment tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Waqt konferenza minn Bird Life Malta, din l-għaqda wasslet appell b’saħħtu sabiex il-Gvern immexxi minn Robert Abela jappoġġja r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Dan bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis fl-arja minn bastimenti u cruiseliners li jidħlu fil-Port il-Kbir.
S’issa diġa’ ittieħdu miżuri sabiex is-sitwazzjoni titjieb hekk kif mis-sena 2025 il-Baħar Mediterran se jkun uffiċjalment iddikjarat bħala Sulphur Control Emission Area – pass li se jaffettwa t-tbaħħir kollu madwar il-Mediterran.
Apparti minn hekk, fix-xhur li ġejjin mistenni li jitlesta proġett li se joffri l-elettriku lil dawk il-vapuri li jkunu marbutin mal-moll, bil-għan li dawn ma jniġġsux l-arja sakemm ikunu weqfin fil-port.
Iżda dan għadu biss il-bidu hekk kif fir-realtà hemm bżonn ta’ ferm aktar miżuri sabiex verament jitnaqqas it-tniġġis fil-baħar kaġun tal-cruiseliners u l-bastimenti.
Minn naħa tiegħu l-espert internazzjonali tal-kwalità tal-Arja Axel Friedrich qal li waqt l-investigazzjoni tiegħu r-riżultati ta’ kejl differenti tat-tniġġis tal-arja li ttieħed din il-ġimgħa juru li huma skont il-limiti stabbiliti mill-liġi tal-UE. Iżda dan it-tniġġis xorta waħda huwa ta’ detriment għas-saħħa tal-bniedem.
Friedrich kejjel konċentrazzjoni ta’ tniġġis li tlaħħaq 120 mikrogramma kull metru kubu, li hu livell perikoluż ta’ tniġġis, meta mqabbel ma’ livelli ta’ 3 mikrogrammi kull metru kubu meta ma kienx hemm attività marittima.
F’kummenti ma’ Net News Axel Friedrich qal li l-Gvern għandu jżid il-miżuri f’dan il-konfront għaliex preżentament mhux isir biżejjed.
Barra minn hekk, dan it-tniġġis qed iħalli impatt mill-aktar negattiv fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Bit-tniġġis jikkontribwixxi għal attakki tal-qalb u d-dimensja fost problemi oħra.
//= $special ?>