Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija nieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘KampusSajf’ taħt id-direzzjoni ta’ Christian Debono – Festival li jinkorpora arti multidixxiplinarji f’ambjent studentesk, fl-akkwati tal-MCAST.
Nhar il-Ġimgħa 25 t’Awwissu ser jibda uffiċjalment ‘KampusSajf’ u mistenni jibqa għaddej sat-Tnejn 28 ta’ Awwissu fuq il-Kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid. Sabiex imbagħad l-Erbgħa ser titella’ l-aħħar serata fl-amfiteatru li jinsab fil-kampus tal-Mosta.
Ma’ Net News, Christian Debono spjega kif nibtet din l-idea li l-għan tagħha hu li jippromovu t-talent lokali permezz ta’ arti differenti.
Christian Debono spjegalna li ‘KampusSajf’ ser ikun maqsum fuq ħamest iljieli, u huwa festival li bla dubju ser jolqot lil persuni ta’ kull eta.
Għaldaqstant wieħed ser ikun jista’ jgawdi taħlita ta’ mużika Maltija…kif ukoll kant, żfin, u t-teatru…flimkien ma’ elementi ta’ inteliġenza artifiċjali.
L-attivitajiet kollha ta’ KampusSajf jibdew fit-8.30 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinkisbu hawn.





