L-iskandlu tal-voti li ħarġu fuq ID Cards ta’ persuni mejtin joħloq kaos f’Identity Malta, tant li issa l-aġenzija kellha tirreaġixxi – mingħajr ma ċaħdet l-akkuża primarja li qed issir.
Identity Malta qed tgħid biss illi mhux veru li r-Reġistru Pubbliku naqas milli jipproċessa notifiki ta’ mewt. Għalkemm imkien ma ċaħdet il-fatt li kien hemm persuni li inħarġilhom il-vot, fuq ID Cards ta’ individwi li kienu mietu.
Fi stqarrija xotta, Identity Malta insistiet li r-Reġistru Pubbliku jipproċessa kwalunkwe notifika ta’ mewt li tasal għandu, skont proċeduri stabbiliti. U man-notifika tal-mewt ir-Reġistru Pubbliku jiġbor ukoll il-karta tal-identità tal-persuna li tkun mietet.
Dan, iżda, ma jagħti ebda spjegazzjoni għall-fatt (skont dak li intqal fir-rikors ta’ Adel Ali Hassan) li inħarġu dokumenti tal-vot lil persuni barranin fuq ID Cards ta’ nies li kienu mietu.