Fil-Manifest Elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista kien wiegħed li Malta se tibqa’ l-għażla għas-settur tal-gaming … fejn Robert Abela kien wiegħed li Gvern Laburista se jagħmel it-tibdil neċessarju sabiex jiżgura li l-qafas regolatorju jibqa’ wieħed kompetittiv.
Kien qal ukoll li se jaħdem aktar mill-qrib mal-operaturi f’dan is-settur bil-għan li pajjiżna jipprovdi aktar ħaddiema kwalifikati f’dan il-qasam.
Iżda issa, sena u nofs wara, l-affarijet jidhru li huma kemmxejn differenti minn dak li wiegħed il-Gvern ta’ Robert Abela.
Informazzjoni li waslet għand Net News qed tindika li l-kumpanija Hero Gaming li topera minn Malta, se tagħlaq il-bibien tagħha tant li bħalissa għaddejja minn proċess fejn qed tkeċċi lill-ħaddiema, inkluż il-Kap Eżekuttiv – li hi Maltija. Jidher li r-raġuni ta’ dan l-għeluq huwa li Hero Gaming se tkompli topera minn pajjiż ieħor, u fi kliem sempliċi se tkun qed titlaq minn Malta.
Apparti minn hekk, jidher li l-kumpanija Catena Media, li wkoll topera minn Malta, għaddejja minn żmien difiċli. B’rapporti jindikaw tnaqqis qawwi fil-profitti tagħha. Dan wassal biex anke din il-kumpanija qed ikollha tkeċċi uħud mill-impjegati tagħha speċjalwmnt fis-settur tal-finanzi u dak tekniku.
Bħalissa hemm ukoll xnigħat li l-industrija tal-gaming f’pajjizna ma tantx għaddejja minn żmien feliċi fejn proprju ir-rapport annwali tal-Malta Gaming Authority juri tnaqqis qawwi fin-numru ta’ liċenzji ġodda. Filfatt jidher li fix-xhur li ġejjin, il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità Carl Brincat mhux se jkollu l-kuntratt tiegħu mġedded.
Dan kollu juri b’mod ċar kemm il-Gvern ta’ Robert Abela ma żammx mal-wegħda li għamel fil-Manifest elettorali tiegħu, tant li anke s-settur tal-gaming – li welled Gvern Nazzjonalista – spiċċa jieħu daqqa enormi.
//= $special ?>