Lokali

Żieda fil-persekuzzjoni reliġjuża madwar id-dinja

62% tal-popolazzjoni globali tgħix f’pajjiżi fejn il-libertà reliġjuża hi ristretta ħafna …u fejn hemm ukoll żieda fit-theddid għal dawk li jemmnu f’xi reliġjon.

Dan ħareġ mir-Rapport Dinji dwar il-Libertà Reliġjuża – rapport imfassal mill-għaqda Aid to the Church in Need International.

L-għan ta’ dan ir-rapport hu sabiex in-nies jiġu mħeġġa jgħinu lil dawk li qed iġarrbu persekuzzjoni reliġjuża permezz tat-talb, appelli favur il-vittmi kif ukoll rapporti dwar din ir-realtà.

Ir-rapport innota li matul l-aħħar sentejn, żdied il-poter ta’ gvernijiet imexxejja minn elementi fundamentalisti li jridu poter bla limiti u li jibżgħu minn twemmin spiritwali u komunitajiet reliġjużi.

F’kummenti ma’ Net News id-Direttur ta’ Aid to the Church in Need f’pajjiżna, Stephen Axisa, qal li huwa ta’ tħassib kbir li bosta persuni qed jaffaċċjaw din ir-realtà fejn jiġu ppersegwitati kaġun tat-twemmin tagħhom.

Infatti, ir-rapport jgħid li l-persekuzzjoni għadha l-aktar vjolenti fil-kontinent tal-Afrika. Madankollu ċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq jibqgħu ż-żewġ pajjiżi fl-Asja bl-agħar rekord ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem; inkluż il-libertà reliġjuża.

Stephen Axisa qal li għalkemm il-persekuzzjoni u t-theddid huwa l-aktar komuni f’pajjiżi partikolari, il-persekuzzjoni tar-reliġjon fl-Ewropa – għalkemm mhix waħda komuni – qed issir b’mod aktar sottili.

Huwa appella sabiex nibqgħu konxji dwar dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra….realtà mill-aktar tal-biżà li fortunatament pajjiżna bilkemm huwa maħkum minnha.