Bernardo Silva ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Manchester City u temm l-ispekulazzjoni li se jingħaqad ma’ Paris Saint-Germain dan l-istaġun.
Il-midfielder tal-Portugall ta’ 29 sena estenda l-kuntratt tiegħu b’sena sal-istaġun 2025-26, ikkonfermaw Manchester City fi stqarrija.
Huwa rebaħ ħames titli tal-Premier League u f’Ġunju rebaħ l-ewwel titlu taċ-Champions League ma’ City minn mindu ingħaqad magħhom fl-2017 mingħand Monaco.
“Kelli sitt snin inkredibbli f’Manchester City u ninsab kuntent li ntawwal iż-żmien tiegħi hawn,” qal Silva.
F’Monaco, Silva kien parti mit-tim ma’ Kylian Mbappé li rebaħ it-titlu tal-kampjonat Franċiż fl-2017 u wasal sas-semifinali taċ-Champions League. Mbappé telaq ukoll dak is-sajf u mar ma’ PSG.
Silva kien qed jissemma ħafna li fi tmiem l-istaġun li għadda jista’ jirritorna fil-kampjonat Franċiż u jerġa’ jingħaqad ma’ Mbappé.
Il-ġurnal Franċiż Le Parisien irrapporta li ftehim ippjanat bejn Manchester u Pariġi tħassar wara li l-manager tas-City Pep Guardiola ma kienx lest li jitlef lil Silva meta player ieħor fantażista, Riyad Mahrez, mar fil-kampjonat tal-Arabja Sawdija.
//= $special ?>