Lokali

“Gvern li qed jaħsel idu mir-responsabbiltà”

“Il-Gvern qed jipprova jaħsel idejh mir-responsabbiltà u l-kontabilità meta xi settur ma jkunx miexi kif suppost. U għalhekk meta wieħed jgħid: tort tan-nazzjonalisti, xorta waħda l-Gvern Labursita jibqa’ responsabbli – għaliex hu qiegħed fil-poter.”

Hekk iddikjara Desmond Marmara, eks kunsillier tal-Labour permezz ta’ blog post ippublikat fuq in-news portal ta’ Newsbook.

L-attivist Laburista iddeskriva is-sitwazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-qerda tal-ambjent ta’ madwarna bħala kollass totali, li il-Gvern qed jirrifjuta li jindirizza – bi skuża li dan huwa tort tan-Nazzjonalisti, filwaqt illi jinsa li ilu 10 snin fit-tmexxija.

Barra minn hekk għadna wkoll Gvern li ma jgħid xejn fuq il-permessi li jinħarġu għal ħafna binjiet b’aktar sulari mil-binjiet eżistenti l-oħra fl-istess żona. Skiet ukoll dwar binjiet illegali li qed jiġu żviluppati f’kull rokna tal-pajjiż.

Problemi oħra li tkellem dwarhom Zammit Marmara huma il-kwistjoni dwar il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 kif ukoll il-provista tal-elettriku, deskritta minnu bħala diżastru totali.

Bl-attivist Laburista jgħid li din hija kwistjoni oħra fejn il-Gvern ta’ Robert Abela prova jitfa l-ħtija fil-passat; partikolarment fil-cables ta’ żmien ammistrazzjoni Nazzjonalista.

Hu saħħaq li hemm bżonn nifhmu li Gvern ġdid jiġi elett biex jirranġa fejn ikunu żbaljaw ta’ qablu. U għalhekk huwa banali u inutli li tipprova semmi każijiet tal-imgħoddi.

Zammit Marmara żied jgħid li huwa inutli ħafna paroli fil-vojt fuq spazji ħodor u kemm il-Gvern jagħti prijorita’ lill-ambjent, jekk jibqgħu joħorġu permessi ta’ bini li huma ta’ dannu għall-patrimonju storiku, kulturali u reliġjuż tagħna. Dan filwaqt li wassal appell qawwi għal aktar infurzar.