Il-Korea ta’ Fuq falliet f’tieni attentat biex ittella satellita fl-ispazju li kellha tintuża għall-missjonijiet ta’ spjunaġġ fuq numru ta’ pajjiżi. Id-disfatta kienet ikkonfermata proprju tliet xhur wara l-falliment tal-ewwel prova għat-tlugħ ta’ satellita simili mill-Istat komunista.
Intant, it-tieni satellita falliet proprju waqt it-tielet fażi tat-titjira u bid-disfatta qed titqies bħala waħda personali għall-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un. Dan għaliex Kim kien qed jittama li s-satellita setgħet tippermetti għal sorveljanza aħjar tal-movimenti fl-Istati ġirien u biex ir-reġim fi Pyongyang ikun jista’ jippjana aħjar l-istrateġiji militari tiegħu.
Madankollu l-aġenzija tal-ispazju fi Pyongyang diġà qed tippjana biex itella’ satellita oħra simili f’Ottubru – u wara li l-aħħar satellita vvjaġġat mill-ispazju tal-ajru internazzjonali u fuq il-Baħar l-Isfar bejn iċ-Ċina u l-penisola Koreana.
L-azzjoni qanqlet twissija ta’ emerġenza fil-Ġappun, bl-istat tal-allert jitneħħa xi minuti wara. Il-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida, intant, ikkundanna dawn l-azzjonijiet li jmorru kontra r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.
Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti ħeġġet biex il-Korea ta’ Fuq ma tkomplix b’dawn l-azzjonijiet ta’ theddida għall-Istati sovrani fost is-sejħa biex ir-reġim ta’ Kim jong-un jaqbad it-triq tad-diplomazija b’sens ta’ impenn u serjetà.
//= $special ?>