Il-Malta Film Commission jidher li għandha 42 miljun ewro għal gladjaturi bil-barka tal-Gvern, iżda bħal donnu m’għandha l-ebda setgħa fuq il-hackers li rnexxielhom jaħtfulhom il-paġna ta’ Facebook.
Dan hekk kif filwaqt li ilhom ma jaġġornaw il-paġna mill-4 ta’ Lulju, Alyssa Kulani għadha bi prominenza fuq il-profile picture.
Il-mudella Kanadiża ta’ 24 sena, rinomata għar-ritratti li tippubblika fuq l-instagram tagħha, kellha r-ritratt ippubblikat fuq il-profil tal-Malta Film Commission; l-istess Kummissjoni li tant jippompjalha flus l-Ministru Clayton Bartolo- liema flus bl-aktar mod ċar żgur li mhux qed imorru fis-sistema tas-sigurtà.

Filwaqt li l-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ, wieħed jistaqsi kif il-Malta Film Commission spiċċat bil-profil tagħha maħtuf – madwar xahar u nofs ilu.
Diversi persuni li tkelmmu ma’ Net News u li huma qrib l-industrija saħqu li minkejja li fl-aħħar 5 snin il-Malta Film Commission nefqet miljuni kbar tal-ewro mit-taxxi tal-poplu – xorta waħda inċident bħal dan sfortunatament juri li l-Kummissjoni mmexxija minn nies amatorjali.
Dan filwaqt li ankè f’din is-sitwazzjoni…il-Pulizija mmexxija mill-Kummissarju Angelo Gafà…xahar u nofs wara għadha fis-silenzju.
