Lokali

Il-PN jitlob lill-NAO tinvestiga n-nefqa tal-Malta Film Commission

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sabiex minnufih tinfetaħ investigazzjoni b’rabta mal-infieq ta’ €137 miljun mill-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Dan hekk kif il-Ħamis filgħodu t-tliett membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubblici, Darren Carabott, Graham Bencini u David Agius flimkien ukoll mal-kelliem għall-Arti u Kultura, Julie Zahra – preżentaw ittra b’talba formali lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara sabiex jinvestiga l-infieq ta’ madwar €137 miljun mit-taxxi tal-poplu li l-Malta Film Commission ħalset lil kumpaniji barra minn pajjiżna. Dawn il-ħlasijiet ta’ miljuni saru bejn Settembru tal-2018 u l-bidu ta’ dan ix-xahar.

Miċ-ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iState Aid, jirriżulta li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset, jew obbligat ruħha li tħallas, l-ammont globali ta’ aktar minn €143,800,000 minn fondi pubbliċi f’ħames snin favur diversi kumpaniji privati; għalkemm €137 miljun intefqu fuq benefiċċjarji barranin.

Il-Partit Nazzjonalista tenna li hemm numru ta’ persuni u kumpaniji Maltin f’dan is-settur li jiddependu fuq din it-tip ta’ għajnuna minn fondi pubbliċi, u għalhekk, hu fl-interess pubbliku li jiġi żgurat li dan it-tip ta’ infieq mhux qed iċaħħad, jiddiskrimina jew iżomm lura b’xi mod meta mqabbel mal-infieq li qed isir biex nakkomodaw soċjetajiet barranin.

Fost id-diversi talbiet li kienu ppreżentati lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Partit Nazzjonalista talab investigazzjoni dwar jekk il-Malta Film Commission addottatx proċedura partikolari ta’ skrutinizzar ta’ dokumentazzjoni biex jinħarġu dawn il-pagamenti u jekk din il-proċedura kinitx timxi mal-prinċipju ta’ governanza tajba kif ukoll biex ikun stabbilit liema proċedura qed tkun addottata, x’inhuma r-rekwiżiti mill-Kummissjoni biex ikunu approvati dawn il-pagamenti, jekk hux isir due dilligence u x’benefiċċji se jkun qed jieħu lura l-pajjiż għal kull nefqa mill-fondi pubbliċi.

Fl-istess waqt, għandu ikun assigurat jekk sarx eżerċizzju sew ta’ skrutinju mill-Ministeru tat-Turiżmu.

Dawn l-ammonti ta’ miljuni jikkuntrastaw sew mal-estimi tal-Budget għall-2023, b’mod partikolari l-allokazzjoni kapitali għall-Ministeru tat-Turiżmu, fejn il-Kummissjoni Maltija tal-Films ġiet allokata s-somma globali ta’ €14-il miljun … liema ammont allokat hu ferm iżgħar minn dak ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

Iżda hu konsistenti ma’ dak li sab l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika stess, fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi għall-2020, fejn kien intqal li l-Kummissjoni Maltija tal-Films qed tagħmel “estravaganza” fl-użu tal-fondi.

Id-dubji dwar kif qed jintefu dawn il-flus komplew jikbru meta sar maghruq li għas-sequel ta’ Gladiator, il-pajjiż se jonfoq xejn anqas minn 47 miljun. Dan meta l-budget ta’ pajjiżna lanqas għandu daqstant flus għall-POYC u t-trattament tal-kanċer magħqudin f’daqqa – għaliex l-allokazzjoni hija ta’ 44 miljun ewro.