Futbol Sport

Illum jibda l-Assikura Women’s League 2023/2024 b’Birkirkara jimmiraw li jirbħu s-sitt titlu konsekuttiv

Il-kampanja ta’ din is-sena se tara l-kampjonat nazzjonali jibda f’Awwissu minflok f’Settembru filwaqt li t-tmien timijiet se jilagħbu b’kollox 23 logħba minflok 18.

Ġie implimentat ukoll format ġdid, peress li t-tmien timijiet se jilagħbu kontra xulxin f’format round-robin fiż-żewġ rounds tal-ftuħ.

Wara dawn iż-żewġ rawnds, l-ewwel erba’ timijiet se jilagħbu tliet logħbiet addizzjonali kontra xulxin filwaqt li l-istess format se jintuża għall-aħħar erba’ timijiet ukoll.

Bidla oħra importanti fil-kampjonat tan-nisa kienet iċ-ċaqliq tal-partiti minn nofs il-ġimgħa għal tmiem il-ġimgħa bil-għan li jiġbdu aktar pubbliku lejn l-istadji lokali.

Sitta mis-seba’ timijiet tas-sena l-oħra se jkunu qed jipparteċipaw fil-kampjonat ta’ din is-sena wkoll bl-aktar żidiet ġodda jkunu kemm Valletta kif ukoll Lija Athletic.

Il-Lilywhites ingħaqdu ma’ Raiders u se jkunu qed jilagħbu taħt l-isem ta’ Valletta.

Min-naħa l-oħra, Lija Athletic se jkunu qed jilagħbu waħedhom wara li nfirdu minn ma’ Raiders li kienu bbażati hemmhekk fl-aħħar snin.

Iċ-champions Birkirkara, li għadhom taħt il-gwida tal-konfermat Jose Borg, għamlu xi bidliet importanti fl-iskwadra tagħhom.

L-attakkanta Sara Saliba ħalliet liċ-champions Maltin biex tmur fl-ewwel perjodu barrani tagħha wara li ngħaqdet ma’ Pomigliano tal-Italja filwaqt li l-akkwist ta’ Jannar Brisa Campos marret lura għand Huracan tal-Arġentina.

Sofia Iaderosa, attakkanta oħra, infirdet ukoll minn ma’ Birkirkara hekk kif marret toqgħod il-Ġeorġia f’Samegrelo filwaqt li l-winger Taljana Gaia Milan irritornat f’pajjiżha iffirmat ftehim mat-tim tas-Serie B Cesena.

L-Istripes żguraw li jsaħħu d-dipartiment offensiv tagħhom bil-wasla tal-attakkanta Francesca Chircop minn Mġarr United.

Huma ġabu wkoll il-playmaker żagħżugħa Urugwajana Edith Garcia u l-midfielders Amerikani Caitlin Rodgers u Arianna Del Moral.

Iċ-champions Maltin dalwaqt se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fiċ-Champions League tan-Nisa ta’ din is-sena meta jospitaw lill-Breznica tal-Montenegro fis-6 ta’ Settembru.

Lija Athletic, min-naħa tagħhom, għaddew minn suq ta’ trasferimenti impenjattiv biex jaċċertaw li jgħaqqdu skwadra kompetittiva.

Żguraw li jżewwqu l-iskwadra tagħhom b’ħafna esperjenza hekk kif ġabu lill-eks plejers tar-Raiders Sarah Caruana u Leanne Micallef flimkien ma’ Simone Buttigieg, li kienet fuq il-kotba ta’ Swieqi United.

Ir-runners-up u r-rebbieħa tat-tazza domestika tas-sena l-oħra, Swieqi United mistennija jtellgħu sfida oħra għat-titlu u din id-darba jippruvaw iwarrbu lil Birkirkara minn fuq it-tron tar-rebbieħa.

The Owls se jkunu immexxija mill-eks goalkeeper internazzjonali ta’ Malta Saviour Darmanin li ħa post il-kowċ Olandiż Judith Kuipers.

Fl-aħħar jiem, Swieqi bagħtu lill-goalkeeper Cynthia Konlan b’self lil Al-Hilal tal-Arabja Sawdija biex minflokha ħadu lill-goalkeeper ta’ Corinthians Patricia Araujo.

Swieqi irrivedew ukoll id-dipartiment offensiv tagħhom bil-wasliet ta’ Karima Abdulai tal-Ghana u Kennedy Metzger tal-Istati Uniti.

Huma jieħdu post Fernanda Peinado li telqet u tinsab qrib li tingħaqad ma’ Mġarr United, u Tatiana Dabney li marret fil-Polonja.

Il-plejer tal-Ghana Rebecca Atinga ħalliet ukoll il-klabb hekk kif bidlet il-futbol Malti għall-kampjonat Iżraeljan.

Id-difensura Rafanny Mendoza u l-attakkanta Salamatu Abdulai mistennija jkomplu bl-avventura tagħhom ma’ Swieqi dan l-istaġun.

Huma jibdew kontra Mtarfa fil-ftuħ tal-istaġun tagħhom b’dawn tal-aħħar se jkunu mmexxija minn Simon Spiteri għal staġun ieħor.

Mtarfa se jkunu qed ifittxu li jtejbu l-ammont ta’ sitt punti tas-sena li għaddiet u jiżguraw li jżidu aktar kwalità fl-iskwadra tagħhom bil-wasliet ta’ plejers barranin bħal Alice Ferrari mill-Italja u Laura Tobon mill-Kolombja.

Għada l-Ġimgħa, it-tim ambizzjuż ta’ Mġarr United jiltaqa’ kontra San Ġwann hekk kif il-Greens qed iħarsu lejn sfida potenzjali għat-titlu wara l-akkwisti tagħhom fis-sajf.

It-tim ta’ Michael Mangion, ikkonfermat għal sena oħra fit-tmun tal-klabb, ġab lill-goalkeeper promettenti Giulia D’Antuono, lill-internazzjonali tal-Moldova Anastasia Sivolobova, lill-playmaker Brażiljana Joelma, lill-winger ikkonfermata Yulya Carella u mistennija żżid mill-inqas żewġ ismijiet oħra minbarra l-ex- Swieqi Peinado.

San Ġwann, immexxija minn Julian Camilleri mistennija jagħmlu wkoll xi akkwisti importanti fosthom id-duo Marokkin Tourki Chaaima u Oumaima Mhalli li s-sena l-oħra kienu ngħaqdu mal-Imġarr għall-ewwel esperjenza tagħhom tal-futbol Malti.

Hibernians u Valletta jiltaqgħu ma’ xulxin fl-ewwel Matchday ta’ dan is-Sibt.

Il-Pawlisti, għal darb’oħra mmexxija minn Keith Gouder, għamlu ftit tweaks lill-iskwadra tagħhom kif ukoll mistennija jtellgħu goalkeeper ġdida minflok Raisa Costantino li telqet għat-tim tas-Serie C Tharros.

Intant ġabu lid-difensura Jeanelle Falzon mill-Imtarfa, lill-winger Martina Cortis minn Birkirkara u lill-attakkanta Leah Ayres li s-sena l-oħra kienet fuq il-kotba tar-Raiders Lija.

L-eks internazzjonali taż-żgħażagħ Maltin Demi Magrin, li s-sena l-oħra kienet nieqes mill-futbol Malti, se terġa’ lura fl-azzjoni wara li ngħaqadet mal-Paolites ukoll.

Intant, Valletta se jkunu mmexxija minn Denis Guerra li żamm fiduċjuża mal-maġġoranza tal-plejers li kkomponew l-iskwadri riċenti tiegħu tar-Raiders Lija.

It-tluq ta’ D’Antuono ifisser li se jkollhom kustodja ġdida bejn il-lasti filwaqt li fl-aħħar jiem għamlu konferma importanti hekk kif id-difensura Georgiana Mifsud se tkompli mal-klabb.

Min-naħa l-oħra, għad hemm mistoqsijiet dwar il-winger Lexine Farrugia li s-sena l-oħra kienet fuq il-kotba tal-klabb iżda għadha ma ġietx ikkonfermata minn Valletta.