Internazzjonali

Ir-Russja: L-ewwel kummenti ta’ Putin dwar it-tiġrif tal-ajruplan tal-Kap tal-Wagner

Il-President Russu Vladimir Putin tkellem għall-ewwel darba dwar l-inċident li fih tilef ħajtu l-Kap tal-merċenarji tal-grupp Wagner Yevgeny Prigozhin u fejn qal li Prigozhin – eks alleat kbir tiegħu – kien wettaq diversi żbalji serji f’ħajtu.

Id-diskors sar kważi jum wara t-tiġrif tal-ajruplan li fuqu kien hemm numru ta’ nies fosthom Prigozhin li kien mexxa l-kolp ta’ stat ta’ Ġunju li kważi waqqa lir-reġim ta’ Putin.

Mhux eskluż, intant, li t-tiġrif tal-ajruplan seta’ irriżulta minn azzjoni ta’ tpattija min-naħa ta’ Putin, proprju xahrejn wara li l-Mexxej Russu kien iddikjara lil Prigozhin traditur talli mexxa lill-armata tal-merċenarji sal-limiti ta’ Moska qabel waqqaf l-avvanz fuq il-Kremlin.

Putin, dakinhar, kien ħarab minn Moska lejn post ta’ refuġju u diversi sorsi qed jgħidu li hu ma ħafirha qatt lil  Prigozhin għal din l-umiljazzjoni ….u li minn dakinhar ‘il quddiem, il-Kap tal-Wagner kien immarkat għall-mewt.

Fl-aħħar ħinijiet, Putin bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi tat-tiġrif waqt li anki rrefera għal Prigozhin bħala negozjant ta’ talent kbir li kien jaf jikseb ir-riżultati. Hu qal li kien ilu jaf lil Prigozhin mill-bidu tas-disgħinijiet u — f’dik li qed titqies bħala referenza għall-kolp ta’ stat fallut  — sostna li Prigozhn kien bniedem ikkumplikat li żbalja ħafna anki jekk irnexxielu jwettaq numru ta’ tragwardi għal pajjiżu.

Fl-istess ħin, Putin wissa li kwalunkwe investigazzjoni dwar Ii it-tiġrif tal-ajruplan għandha tieħu ħafna żmien.

Sorsi qrib il-Ministeru tad-Difiża fir-Renju Unit, intant, qalu li l-aġenzija tas-servizzi sigrieti tar-Russja x’aktarx li organizzat il-qerda tal-ajruplan fuq direttivi personali ta’ Putin.

Fl-aħħar sigħat, intanat, żdiedu l-ispekulazzjoni u r-rapporti konfliġġenti dwar it-tiġrif tal-ajruplan. U waqt li xi sorsi qed jgħidu li l-ajruplan ta’ Prigozhin twaqqa’ minn missila, hemm anki spekulazzjoni fuq il-media soċjali tar-Russja li xi ħadd kien tella’ kaxxa tal-inbid mimlija bl-isplussivi fuq l-ajruplan ftit qabel it-titjira fatali.

Yevgeny Preigozhin għamel żmien bħala t-tieni l-aktar personalità influwenti fir-Russja – bil-merċenarji tal-Wagner jitqiesu bħala l-elit tal-qawwiet Russi li kienu qed jiġġieldu fl-artijiet tal-Ukrajna. Iżda Prigozhin qatt ma żamm lura milli jikkundanna lill-Armata regolari ta’ Putin u l-Ministri tal-Kremlin minhabba l-inkompetenza sfaċċata…. aktar mar-Russi bdew jitilfu battalji f’din il-gwerra.

Issa, il-mewt ta’ Prigozhin qed tqanqal rabja kbira fost il-grupp Wagner – u sorsi qed jindikaw li l-grupp kapaci jorganizza t-tieni marċ lejn Moska wara l-azzjoni falluta ta’ Ġunju.