It-Tim Nazzjonali Malti ta’ taħt it-18 -il sena tal-Pool ingħata l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju.
Din hija t-tieni darba għal din is-sena, li dan l-unur qed jingħata lil tim. It-tim Malti, magħmul minn Steve Muscat, Nick Muscat, Chaylon Castaldi, Jake Castaldi u Nordai Desira rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja tal-kategorija U/18 li kien sar f’Agadir, fil-Marokk.
Fil-finali huma għelbu lil-Afrika t’Isfel bl-iskor ta’ 8-7. Dan l-istess tim fi Frar li għadda kien rebaħ ukoll il-Kampjonat tal-Ewropa.
It-trofew tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Lulju 2023, flimkien ma’ tifkira lill-plejers u t-Team Manager Vince Saliba, ġew ippreżentati minn Matthew von Brockdorff, Managing Director u Kap Eżekuttiv, u Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance flimkien ma’ Lorraine Cunningham Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta tal-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance.
//= $special ?>