L-Ukrajna qed tgħid li t-truppi tagħha daħlu f’zona tal-penisola tal-Krimea li fl-2014 inħatfet mir-Russja u li tinsab okkupata mit-truppi tal-Kremlin u l-ġellieda separatisti li jappoġġjaw lil Moska. L-azzjoni seħħet meta l-Ukreni qed ifakkru t-tieni anniversarju tal-indipendenza ta’ pajjiżhom mindu t-truppi Russi invadew it-territorji Ukreni biex wasslu għall-gwerra attwali li ilha għal sena u nofs.
Kelliema għall-militar Ukren qalu li l-missjoni fil-Krimea rnexxiet mingħajr telf ta’ ħajja fost it-truppi. U għalkemm ma ngħatawx wisq dettalji, l-istess kelliema rreferew għal ‘konfront mal-elementi ostili’ f’Olenivka, lejn il-Punent tal-penisola, u li fih ingħad li nqatlu numru ta’ suldati Russi.
Intant, ir-Russja ma ħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali dwar dawn l-iżviluppi – bis-sorsi fi Kiev isostnu li t-truppi tagħha fil-Krimea spiċċaw itellgħu l-bandiera tal-Ukrajna għal ftit żmien u għall-ewwel darba mir-rebbiegħa tal-2014.
Il-missjoni hi anki importanti minħabba l-impatt għall-kapaċitajiet tar-Russi biex jiddefendu kontra l-attakki mill-ajru fil-Penisola ta’ Tarkhankut. Dan meta l-allegata qerda ta’ xi sistemi ta’ difiża għandha tnaqqas sew mill-kapaċitajiet ta’ sorveljanza għat-truppi tal-Kremlin u l-alleati separatisti fir-reġjun tal-Krimea.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, f’dawn is-sigħat, ħareġ messaġġ speċjali għall-anniversarju fejn qal li ‘is-sehem ta’ kull Ukren jiswa ħafna għall-ġlieda biex l-Ukrajna tibqa’ pajjiż sovran u indipendenti’.
Dan meta Jum l-Indipendenza żiedet sew fis-sinifikant għall-Ukreni minn dakinar tal-invażjoni ta’ pajjiżhom fit-23 ta’ Frar tal-2022. Fil-fatt, Jum l-Indipendenza saret it-tielet l-aktar vaganza importanti għall-Ukreni wara l-Għid u l-Milied għall-Ortodossi.
//= $special ?>