Ewropa Lokali

L-Ukreni f’Malta jfakkru Jum l-Indipendenza

L-Ukreni fakkru it-32 anniversarju tal-indipendenza ta’ pajjiżhom – għalkemm għan-nies tal-lokali, kienet kważi ġurnata bħall-oħrajn. Tant li fi Kiev u madwar l-Ukrajna kollha ma saru ebda ċelebrazzjonijiet tal-massa.

Għal din l-okkażjoni, ir-Rappreżentanza tal-Kummissajoni Ewropea f’Malta għażlet it-tema Magħqudin għall-Ukrajna — Magħqudin għall-Paċi, li tenfasizza s-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea mal-Ukrajna biex tiddefendi ruħha mill-agressjoni tar-Russja, filwaqt li tħeġġeġ azzjoni unita – anke permezz tal-isforzi konġunti tal-UE u l-Istati Membri tagħha ħalli tinkiseb paċi dejjiema.

Waqt attività biswit il-funtana tat-Tritoni…il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni, Lorenzo Vella, wassal messaġġ li permezz tiegħu enfasizza s-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna fid-dawl tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja u l-ħtif illegali tat-territorji Ukreni mill-Federazzjoni Russa.

Lorenzo Vella stqarr li r-Rappreżentanza f’Malta kienet onorata bil-fatt li pparteċipat f’dan l-avveniment, bħal ma għamlu r-Rappreżentanzi l-oħra kollha madwar l-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt illi insista li l-UE se tibqa’ magħquda fl-appoġġ totali tagħha għall-Ukrajna.

Intant, fil-ġurnata tal-Erbgħa tfakkar ukoll il-Jum Nazzjonali tal-Bandiera tal-Ukrajna; propju waqt li l-Ukreni qed jimmarkaw it-18-il xahar mill-bidu tal-invażjoni Russa.