Lokali Saħħa

Pazjenti rikoverati fl-Isptar Mater Dei jitħallew jistrieħu biswit il-ħoss tad-driller

MIU6

€400,000,000.

Dan huwa l-ammont li ttieħed minn flus il-poplu Malti u Għawdxi biex il-Gvern tal-Labour ħallas lil ta’ Steward Healthcare bil-għan li suppost il-familji Maltin u Għawdxin ngħataw lura sptarijiet ta’ klassi.

Partikolarment l-Isptar San Luqa li suppost kellu jkun ta’ standard għoli u li jnewwel daqqa t’id tajba lill-Isptar Mater Dei li fl-aħħar snin ċertament mhux ilaħħaq maż-żieda sproporzjonata fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna.

Minflok ir-‘real deal’ – il-poplu ngħata kuntratt ikkundannat mill-Qorti bħala wieħed frawdolenti…bl-isptarijiet partikolarment dak San Luqa jitħalla f’abbandun u devastazzjoni totali.

Għal dan kollu qed isofru ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – il-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei u l-pazjenti li qed jirċievu l-kura.

Dan hekk kif għal dawn l-aħħar xhur bosta kienu dawk li fi kliemhom huwa ċar li l-Isptar Mater Dei mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda b’mod adegwat – għall-isfortuna kemm tal-ħaddiema li jaħdmu u jistinkaw lejl u nhar kif ukoll għal dawk il-pazjenti li qed jingħataw kura.

Fost id-diversi postijiet fi ħdan din il-binja medika li kellhom jiġu konvertiti fi swali għal pazjenti hemm l-MIU6 – Major Incident Unit – jew aħjar l-eks Canteen tal-ħaddiema li spiċċa jilqa’ fi ħdanu l-pazjenti.

F’sitwazzjoni deskritta prattikament diżumana – l-pazjenti jkollhom jitqiegħdu fuq stretchers mingħajr purtieri bejniethom – u agħar minn hekk sas-siegħa tal-Ħamis waranofsinhar waqt li suppost qiegħdin jistrieħu jkollhom joqgħodu jisimgħu xogħol ta’ tkissir bid-driller biswithom.

Din hija s-sitwazzjoni preżenti, sitwazzjoni li minnha qed isofru kemm il-ħaddiema kif ukoll il-pazjenti.

Dan kollu wara li l-Gvern tal-Labour ħela €400miljun waqt li kien konxju li l-kuntratt kien frawdolenti – biex issa kollox qed jindika li m’għandux idea mnejn se jaqbad jibda fis-settur tas-saħħa…bil-Ministru responsabbli fil-muta assoluta.

MIU6