Qraba ta’ Marzia Maatouk ilhom iktar minn ġimgħa li rrappurtawha nieqsa iżda sal-lum għadhom ma semgħu xejn mingħandha.
Iż-żagħżugħa ta’ 23 sena hi miżżewġa lil Jomic Calleja Maatouk, l-istess persuna li allegatament ipprova jdaħħal f’pajjiżna xi splussiv u jixtri mid-darkweb il-valenu. L-akkużat ta’ 36 sena kien instab ħati f’Lulju li għadda tant li weħel ħames snin ħabs, iżda ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li appella għas-sentenza li ngħata.
Qraba li tkelmu mat-Times qalu li għal jiem sħaħ, Jomic naqas milli jiffirma fl-għassa tal-Pulizija, waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Dan kien diġa’ qajjem suspett għall-Pulizija, b’iktar tard, il-qraba bdew jirrappurtaw liż-żagħżugħa nieqsa.
Fil-fatt, kien ħu ż-żagħżugħa l-ewwel li beda jissuspetta li ġara xi ħaġa lil Marzia wara li naqqset li tmur għax-xogħol. Nannitha wkoll bdiet iċċemplilha iżda qatt ma qabditha.
Tlett ijiem wara, qraba taż-żagħżugħa marru d-dar tal-koppja iżda ħadd ma fetaħ il-bieb. Tfittxija mill-Pulizija fuq ġewwa tal-post tagħhom sabet biss diżorganizzazzjoni, xi ħaġa li mhix normali għall-koppja. Jidher li warajhom, il-koppja ħallew tmient iklieb u għasfur.
Issa, iktar minn ġimgħa wara li sar l-ewwel rapport lill-Pulizija, jidher li l-koppja tinsab maħruba u marret lejn is-Serbja. Għalkemm, il-Pulizija għadha ma lissnet l-ebda kelma dwar dan kollu.
Mhux magħruf jekk l-awtoritajiet lokali irrapurtawx dan il-każ lill-Interpol, jew jekk bdewx jaħdmu fuq mandat ta’ arrest Ewropew fuq l-imputat.
Ir-raġel imfittex għandu rekord kriminali twil… kif ukoll mhux l-ewwel darba li ħarab mill-pajjiż meta kien jinsab fuq bail. Fl-2015, hu ġie arrestat abbord ferrovija fi Sqallija li kienet sejra lejn l-Italja, wara li telaq minn Malta hekk kif affaċċja proċeduri kriminali relatati mat-traffikar tal-kannabis.
//= $special ?>