Lokali

Skiet totali mill-Kummissarju tal-Pulizija wara l-iskandlu tax-xiri ta’ voti

L-akkuża li l-Partit Laburista wettaq abbużi fl-elezzjonijiet ġenerali hija xi ħaġa serjissima li f’pajjiż normali tiġi investigata immedjatament – iżda quddiem dan l-iskandlu, spikka skiet assolut minn naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa.

Din l-istorja ħarġet fil-beraħ wara li eks ufficjal tal-Labour stqarr li lest jagħti informazzjoni dwar persuni li vvutaw fl-elezzjoni ġenerali meta mhux suppost. Bil-PN jgħid illi din kienet konferma li l-Partit Laburista wettaq abbużi fl-elezzjonijiet ġenerali li għaddew.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li issa għandna konferma li l-Partit Laburista għamel u lest jibqa’ jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-poter billi saħansitra jinqeda bl-identità ta’ persuni mejtin.

Il-Partit Nazzjonalista insista illi qed jistenna li l-Kummissjoni Elettorali tiltaqa’ b’mod urġenti u tibda immedjatament investigazzjoni dwar dak li qed ikun allegat minn persuna li kienet fil-qalba tal-Partit Laburista.

Bl-istess mod, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għandu jqum mir-raqda u jiżgura li l-Korp tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed isiru mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Fid-dawl ta’ din l-allegazzjoni ferm gravi, Net News staqsa direttament lil Gafà jekk fetaħx investigazzjoni  u jekk sejjaħx lil xi ħadd minn Identity Malta biex jinterrogah dwar dan il-każ.

Staqsejnih wkoll jekk kellimx lil xi uffiċjali minn Kastilja jew mill-Partit Laburista biex jara x’tip ta’ manuvri kienu għaddejin, liema manuvri waslu biex jingħataw dawn is-somom ta’ flus għall-ID cards ta’ persuni mejta.

Net News staqsa wkoll lil Angelo Gafa jekk jirrealizzax li dan huwa każ ta’ statura serjissima u għalhekk il-Pulizija ma jistgħux jibqgħu siekta bl-iskuża li l-Korp ma jitkellimx każ pendenti.

Pero sa issa, kważi 24 siegħa wara li dan l-istazzjon bagħtlu din il-korrispondenza, għadu qed jispikka skiet totali min-naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa hekk kif ma kellna ebda risposta għall-mistoqsijiet li għamilnilu.

Fir-rikors preżentat minn Adel Ali Hassan, intqal illi din kienet skema kriminali li permezz taghha diversi barranin li jkollhom ċittadinanza Maltija u jkunu mietu, ma jinħarġilhomx ċertifikat tal-mewt – iżda id-dettalji tagħhom, inkluż in-numru tal-Karta ta’ Identità tagħhom, jiġu trasferiti fuq barranin oħra f’Malta biex dawn ikunu jistgħu jivvutaw għall-Partit Laburista.

Ir-rikors, iffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, jindika illi Adel jaf dettalji ta’ somom ta’ eluf kbar ta’ ewro li tħallsu u għaddew mill-idejn biex dawn tal-aħħar jingħataw il-Karta tal-Identità Maltija bid-dritt tal-vot.