Internazzjonali

Stati Uniti: Imutu fi sparatura f’ħanut tax-xorb frekwentat mill-‘bikers’

Mietu talanqas erba’ persuni fi sparatura li seħħet fi stabbiliment tax-xorb iffrekwentat mill-membri tal-gangs tal-muturi fl-Istat ta’ Kalifornja.

Din kienet l-aħħar f’sensiela ta’ sparaturi li ilhom is-snin pjaga għas-soċjetà Amerikana — bir-rapporti jsostnu li l-aggressur responsabbli mid-dmija wkoll tilef ħajtu waqt l-isparatura fl-istabbiliment ta’ Cook’s Corner li jinsab fl-inħawi ta’ Orange County.

Qed jingħad li l-isparatura kienet dovuta għal xi tilwim domestiku, fost rapporti li tnejn fost xi sitt persuni midruba spiċċaw f’kundizzjoni kritika.

Il-vjolenza żbruffat waqt show tal-mużika Rock li s-sidien tal-istabbiliment kienu ilhom jirreklamaw fuq il-media soċjali u wara li l-avveniment attira numru sinifikanti ta’ klijenti u speċjalment il-gruppi tal-‘bikers’.

L-aħħar allegazzjonijiet, intant, qalu li l-inċident seta’ seħħ minn ġlieda bejn l-aggressur – li jingħad li kien eks-pulizija – u l-mara tiegħu, b’numru ta’ nies imbagħad jinvolvu ruħhom fit-tilwima fost ir-riżultati traġiċi.

Mill-bidu tas-sena ‘il hawn fl-Istati Uniti seħħew aktar minn 400 hekk-imsejħa ‘mass shootings’ – u meta l-każi ta’ qtil tal-massa jinvolvu sitwazzjonijiet li jissarrfu f’minimu ta’ erba’ vittmi.