Andrew Martin Jones, Direttur ta’ kumpanija tal-gaming tressaq il-Qorti akkużat b’misapproprjazzjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro li ntrebħu minn klijenti tal-kumpanija.
Jones, Ingliż ta’ 55 sena, kien akkużat ukoll li għamel qligħ permezz ta’ frodi u b’ħasil tal-flus.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace huwa wieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi.
L-Ingliż kien arrestat snin wara li tressaq ilment kriminali minn klijenta illi qalet li kellha tieħu ammont ta’ flus li kienet rebħet mill-kumpanija li jmexxi Jones… total illi laħħaq xejn anqas minn €910,000.
Il-prosekuzzjoni qalet li għandhom ikunu ffriżati l-assi tal-akkużat, bid-difiża mmexxija mill-Avukati Giannella de Marco u Charles Mercieca, ikkontestat din it-talba minħabba li l-flus mirbuħa ingħataw lill-klijenta li ressqet l-ilment. U filfatt il-mara rtirat l-ilment tagħha.
Madankollu, wara li l-Maġistrat semgħet dan kollu, laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Avukat Julia Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Keith Darmanin – bil-Qorti tiffriża l-assi ta’ Andrew Martin Jones.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €25,000 bil-kundizzjoni li l-akkużat jiffirma l-ktieb tal-pleġġ darba fil-ġimgħa.
Intant Net News bagħat numru ta’ misoqsijiet lill-Malta Gaming Authority, illi minn naħa tagħhom qalu li kienu konxji bil-każ sa mill-bidu nett. L-MGA qalet li mhux biss ħadet azzjoni b’investigazzjoni estensiva, iżda kkoperat ukoll mal-Pulizija fl-istħarriġ tagħhom.