Futbol Sport

Il-FIFA tiftaħ proċeduri kontra Luis Rubiales

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA fetħet proċeduri dixxiplinarji kontra Luis Rubiales, President tal-Federazzjoni Spanjola tal-Futbol wara li bies lill-plejer ta’ Spanja Jenni Hermoso fuq xuftejha wara l-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa tal-Ħadd li għadda.

Il-kumitat dixxiplinarju tal-FIFA informa lil Luis Rubiales, li qed jiftaħ proċeduri dixxiplinarji kontrih abbażi tal-avvenimenti li seħħew wara l-finali fil-mument tal-preżentazzjoni tal-midalji. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-FIFA.

L-istilla ta’ Spanja Hermoso ħarġet stqarrija konġunta mal-unjoni Futpro nhar l-Erbgħa, li appellat biex tittieħed azzjoni kontra l-President Rubiales. Futpro kkummentat li qed taħdem biex ikun żgurat li atti bħal dawk li rajna qatt ma jibqgħu bla ma jkunu kkastigati u li jiġu sanzjonati u li jkunu adottati miżuri eżemplari biex jipproteġu lill-plejers tal-futbol nisa minn azzjonijiet li Futpro temmen li huma inaċċettabbli.

Il-kampjonat tal-futbol tan-nisa ta’ Spanja, il-Liga Feminil, talab ukoll li Rubiales jitkeċċa.

Rubiales, li għandu 46 sena, inizjalment attakka lill-kritiċi tiegħu qabel eventwalment skuża ruħu iżda l-kritika minħabba l-imġieba tiegħu ma naqsitx.