Internazzjonali

Il-Greċja: Għexieren ta’ arrestati fuq suspett li qabbdu n-nirien apposta

L-awtoritajiet fil-Greċja mhuma se juru l-ebda tolleranza ma’ kulmin qed iqabbad in-nirien fl-ibnadi tal-pajjiż u li qed jikkontribwixxu għal sitwazzjoni mill-aktar perikoluża għall-ħajja. Dan wara li l-pulizija arrestaw talanqas 80 persuna suspettati dwar sehem fin-nirien qalb foresta li diġà qerdu medda sħiħa ta’ art tul l-aħħar jiem – fost il-konsegwenzi fatali.

Il-Ministru Grieg għall-Protezzjoni Ċivili, Vassilis Kikilias, sadanittant ikkundanna bla riservi lil numru ta’ nies li kienu qed jippruvaw iqabbdu n-nirien ġodda fiz-zona ta’ Parnitha, iddominata mill-foresti u l-muntanji u li tinsab lejn il-majjistral ta’ Ateni.

In-nirien li qabdu diġà f’dik iz-zona huma fost il-mijiet tan-nirien madwar il-Greċja – li wħud minnhom għadhom qed jaqbdu – li ħallew talanqas 30 mejtin fi spazju ta’ sebat ijiem.

Il-Ministru Kikilias qal li s-suspettati qed iwettqu reat krudili kontra pajjiżhom stess u wara li diversi nies qabbdu sensiela ta’ nirien kbar li qed jheddu aktar zoni ta’ foresta, ir-residenzi tan-nies u fuq kollox il-ħajja umana.

Il-Gvern sadanittant qed iwiegħed li n-nies kollha li huma responsabbli min-nirien se jinqabdu u għandhom jistennew ‘il-qilla kollha tal-ġustizzja’ f’każ li jinstabu ħatja.

U l-Ministru Kikilias, waqt diskors ta’ emerġenza fuq it-Televiżjoni Griega, insista li l-Gvern tiegħu qed japplika politika ta’ ‘zero tolleranza’ fil-konfront ta’ kulmin jista’ jikkontribwixxi għan-nirien li fost oħrajn qed ikunu xprunati mill-mewġ tas-sħana u l-effetti tal-bidliet fil-klima,