“Il-problema inkontrollabbli tal-iskart issa saret kriżi u l-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma emendax ir-regolamenti relatati mal-ġbir tal-iskart qed ikompli jkabbar din il-problema tant serja.”
Dan kien il-messaġġ fl-editorjal tal-Ġimgħa fil-ġurnal ‘Times of Malta’ fejn intqal li l-ħinijiet kif ukoll l-frekwenza tal-ġbir tal-iskart fallew f’numru ta’ lokalitajiet. Dan filwaqt li ħadd ma jista’ jifhem għalfejn naqset il-frekwenza tal-ġbir tal-borża l-griża hekk kif kaġun ta’ din id-deċiżjoni pajjiżna se jispiċċa fi kriżi nazzjonali.
Il-muntanji ta’ skart f’kull kantuniera qed joħolqu rabja kbira kif ukoll frustrazzjoni f’diversi residenti. Dan hekk kif ir-residenti huma mxebba b’din il-problema fejn kważi kważi bilkemm tkun tista’ timxi fuq il-bankina bl-ammont ta’ skart li qed ikun hemm. Dan apparti r-riħa tinten kif ukoll il-ġrieden li qed ikun hemm preżenti b’mod speċjali matul il-lejl.
L-editur sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu juri b’mod l-aktar ċar li għandu pjan sabiex jaffaċċja din il-kriżi u jista’ jagħmel dan billi jieħu azzjoni sabiex il-proċess tal-ġbir tal-iskart ikun aktar effiċjenti kif ukoll frekwenti.
L-editur qal li l-aktar mod effettiv sabiex wieħed jibda jaffaċċja din il-problema huwa billi jafda is-sistema tal-ġbir tal-iskart lill-Kunsilli Lokali filwaqt li appella għal aktar fondi għall-Kunsilli sabiex jaffaċċjaw din il-problema bl-aktar mod effettiv. Dan għaliex fl-aħħar xhur Robert Abela kompla jnaqqar il-poter tal-Kunsilli Lokali.
Fl-editorjal intqal li jekk il-Gvern se jkompli jwebbes rasu quddiem din is-sitwazzjoni it-turiżmu se jieħu tisbita. Dan hekk kif pajjiżna se jispiċċa jikseb reputazzjoni ħażina bl-iskart ma’ kullimkien.
Apparti minn hekk, l-editur issuġġerixxa li jiġu installati kameras fit-toroq sabiex min jinqabad joħroġ l-iskart fil-ħin ħażin jingħata multa bit-tama li l-abbuż jibda jonqos.
//= $special ?>