Lokali

Il-ħatra ta’ Norma Saliba “insult” għal akkademiċi

“Li Norma Saliba nħatret bħala Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru għal-Lingwa Maltija huwa ta’ insult kbir għal dawk l-akkademiċi u gradwati fil-Malti u li qattgħu snin sħaħ jistudjaw il-Malti.”

Dan sostnieh l-espert tal-Malti Mark Amaira fi protest ġudizzjarju li preżenta, hekk kif fi kliemu l-Gvern appunta lil Norma Saliba mingħajr ma qies il-kwalifiki tagħha. Iżda ġiet appuntata għaliex sempliċiment ingħatat “premju”.

Mark Amaira spejga li għalkemm hu, huwa gradwat fil-Matematika u fl-I.T. huwa ggradwa wkoll fil-Malti kif ukoll qatta’ tal-anqas 15-il sena jgħallem is-suġġett. Amaira sostna li bħalu hemm ħafna oħrajn li kienu jkunu aktar kwalifikati minn Norma Saliba sabiex jokkupaw dan l-irwol.

Apparti minn hekk, huwa qal li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern ta’ Robert Abela, hi deċiżjoni deskritta bħala waħda irresponsabbli kif ukoll illegali li se tagħmel impatt ferm negattiv għaliex dawk li għandhom il-kwalifiċi ngħataw il-ġenb.

Huwa saħaq li b’din il-mossa il-Gvern wera li għandu d-dritt li jagħżel persuna li m’għandiex il-kwalifiċi neċessarji sabiex tmexxi grupp ta’ akkademiċi u esperti fil-lingwa Maltija. Hawnhekk l-espert Mark Amaira qal li l-akkademiċi spiċċaw qishom tallaba sabiex jiġu ppreżentati bl-opportunità għal avvanz fil-karriera tagħhom.

Barra minn hekk, huwa qal ukoll li l-pożizzjoni tac-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-lingwa Maltija Olvin Vella m’għadiex tennibbli hekk kif spikka s-silenzju tiegħu dwar il-ħatra ta’ Norma Saliba – filwaqt li ddeskriva dan l-aġir bħala tal-mistħija.

Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta fejn intqal illi l-awtoritajiet għandhom ċans ġimgħa sabiex imorru lura mill-ħatra ‘illegali’ ta’ Norma Saliba.

Dan il-protest ġudizzarju ġie ppreżentat kontra l-Ministru Owen Bonnici, iċ-Ċentru tal-Lingwa Maltija, Il-Kunsill Nazzjonali għal-Lingwa Maltija u l-Avukat tal-Istat.