Lokali

“Il-poplu Malti jibqa’ mingħajr spjegazzjoni dwar tberbieq bla rażan minn magħżul tal-Gvern” – PN

Jinħareġ filmat li ma jgħid xejn fi sfond ta’ industrija li ssaħħet taħt Gvern Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-poplu jkollu aktar trasparenza dwar it-tberbieq mhux raġjonevoli minn esponenti magħżulin mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra, il-Partit Nazzjonalista qal li bħala Kummissarju tal-Films imħallas minn flusna, il-magħżul taħt Clayton Bartolo, Johann Grech għażel li jagħmel filmat li fih jgħid ħafna u ma jgħid xejn. Fil-messaġġ li wassal ma spjegax lill-Awditur Ġenerali l-infieq ta’ €137 miljun mill-fondi pubbliċi li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset lil benefiċċjarji li huma soċjetajiet irreġistrati barra minn pajjiżna.

Dawn l-ammonti jikkuntrastaw sew mal-estimi tal-Budget għall-2023, fejn il-Kummissjoni Maltija tal-Films ġiet allokata s-somma globali ta’ €14-il miljun. Fl-istess waqt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fir-rapport tiegħu dwar il-kontijiet pubbliċi għall-2020, qal li l-Kummissjoni Maltija tal-Films qed tagħmel “extravagance in the use of public funds”.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob għal aktar trasparenza. Issa jekk m’għandux x’jaħbi, Johann Grech għandu jispjega għaliex dan it-tberbieq.

Tberbieq bħal dan ma jistax jibqa’ bla spjegazzjoni xierqa. Il-ħaddiema tas-settur u dawk li jaħdmu viċin dan is-settur għandu jkollhom spjegazzjoni xierqa u veritiera.

Il-poplu Malti għandu d-dritt għal dawn it-tweġibiet. Għandu d-dritt ikun jaf fejn intefqu u għaliex intefqu flusu.