Lokali Qorti

INKJESTA SOFIA: L-OHSA qatt ma spezzjonat is-sit ta’ Kordin għax qalet li mhux kompitu tagħha

"Il-kuntratturi li jiffurmaw parti mill-Kamra tal-SME's mhumiex kuntenti bil-'cowboys' f'dan is-settur"

Illum fil-Qorti qed tkompli tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li kien tilef ħajtu f’Diċembru li għadda f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin.

L-Inkjesta qed titmexxa mill-Ombudsman u l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon flimkien mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Perit Mario Cassar.

Illum kellu jixhed iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvillupaturi Michael Stivala iżda ppreżenta ċertifikat mediku u għalhekk mhux se jkun qed jixhed illum.

L-ewwel persuna li bdiet tixhed huwa l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci. Gauci kien diġà xehed f’seduta oħra però kien intalab li jippreżenta iktar dokumenti fosthom statistika mill-NSO ta’ kemm seħħew inċidenti fl-aħħar snin. Ippreżenta wkoll lista ta’ kemm inħarġu multi b’rabta ma’ nuqqasijiet fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-lista attwali tat-13-il uffiċjal tal-OHSA.

L-Imħallef Joseph Zammit McKeon juri t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li Mark Gauci u ċ-Chairman tal-OHSA David Xuereb ma qablux fix-xhieda tagħhom dwar l-ammont ta’ uffiċjali tal-OHSA u taw verżjonijiet differenti dwar il-problemi li jeżistu fis-sit elettroniku tal-OHSA.

L-Imħallef isaqsi lil Gauci jekk hux obbligatorju li jsir rapport meta jkun hemm inċident li kważi jwassal għal mewt ta’ persuna jew persuni. Mark Gauci jirrispondi billi jgħid li mhux obbligu tal-OHSA li tagħmel rapport f’każijiet bħal dawn. Huwa żied jgħid li l-OHSA tista’ tinvestiga rapport tal-media jew ta’ persuna.

Mistoqsi mill-Perit Mario Cassar, Mark Gauci spjega li meta sid ta’ sit ta’ kostruzzjoni jqabbad persuna kompetenti biex iħejji rapport dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ma jkunx hemm kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Huwa spjega li l-uffiċjal huwa obbligat li jirrapporta għall-klijent tiegħu u jittieħdu l-miżuri neċessarji.

Gauci reġa’ fakkar li l-OHSA ma kinitx taf li bdew ix-xogħlijiet fuq is-sit ta’ Kordin, għalhekk qatt ma wettqet spezzjoni.

Mistoqsi mill-Imħallef, Gauci qal li l-uffiċjali tal-OHSA mhumiex inkarigati biex jiddeterminaw l-istruttura tal-bini. Dan għaliex l-uffiċjali huma responsabbli biss għas-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit ta’ kostruzzjoni u biex jaraw jekk is-sid jew il-ħaddiema humiex qed jaħdmu b’mod kompetenti.

Zammit McKeon qal li l-biżgħa tiegħu hi li din l-Awtorità qed tkun reattiva u mhux proattiva fejn qed tibbaża l-iktar fuq dawk li jintqal fil-media u fuq rapporti li jaslulha.

Gauci qal li x-xogħol tal-OHSA ivarja minn kampanja informattivi għal seminars edukattivi, fejn fl-aħħar snin din l-Awtorità ħarġet numru ikbar ta’ multi u akkużi fil-Qorti. Kien hawn fejn l-Imħallef qal li l-ħajja ta’ kuljum hija differenti minn dak li jintqal fil-kotba.

L-Awditur Ġenerali Charles Degura ma kienx impressjonat bin-numru ta’ multi maħruġa mill-OHSA. Dan hekk kif l-iktar ħaġa importanti hija l-ammont tal-multi. B’Gauci jargumenta li kull multa li toħroġ twassal biex jitwaqqfu x-xgħolijiet sakemm il-problema tiġi rranġata.

L-Avukat Therese Comodini Cachia li qed tirrappreżenta lill-familja ta’ Jean Paul Sofia ffukat l-aktar dwar il-ħaddiema barranin li jaħdmu f’dan is-settur u li mhumiex reġistrati u għalhekk mhux monitorjati mill-awtoritajiet.

Jitla’ jixhed Adrian Galea mill-Malta Insurance Association. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni qagħdu lura milli jipprovdu polza ta’ assigurazzjoni għal sena għall-kuntratturi u minflok iridu li l-kuntratturi jieħdu poloz tal-assigurazzjoni speċifiċi għal kull proġett li jwettqu. Galea qal li qed isiru taħdidiet bejn l-BCA u l-Malta Insurance Association dwar din il-ħaġa. Huwa jikkonferma li l-Avviż Legali, li jidħol fis-seħħ proprju llum, jobbliga lill-kuntratturi li jkunu koperti b’polza tal-assigurazzjoni jekk ikunu responsabbli għal xogħlijiet u mhux bilfors li jkunu koperti hekk kif iġibu l-liċenzja.

Imiss issa li titla’ tixhed il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SME’s Abigail Mamo. Dan hekk kif il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tirrappreżenta numru ta’ kuntratturi kemm żgħar kif ukoll kbar. Mamo spjegat li ċ-Chamber of SME’s kienet involuta fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.

Hija qalet li numru ta’ kuntratturi li huma membri mal-Kamra tal-SMEs kienu attendew għal-laqgħat dwar il-liċenzjar tas-settur u anke ppreżentaw numru ta’ proposti.

Fost il-proposti tal-Kamra kien hemm li s-sistema tal-liċenzjar tkun ferm aktar serja u l-istandards tas-settur ikunu ogħla. Fejn għandha tingħata iktar importanza lill-infurzar u jkun hemm sistema elettronika li biha wieħed ikun iktar konxju ta’ kostruzzjoni li tkun qed issir.

Hija għamlet aċċenn fuq id-diskrepanza li teżisti bejn ir-riżorsi limitati tal-infurzar u ż-żieda enormi fis-settur tal-kostruzzjoni. Qalet li meta jkun hemm nuqqas ta’ standards, dawk li joperaw kif suppost jispiċċaw ibatu minħabba dawk il-ftit li ma jagħmlux l-affarijiet kif supost.

Abigail Mamo qalet li l-Kamra tal-SME’s taf bid-diffikultajiet li hemm sabiex wieħed jikseb polza ta’ assigurazzjoni, fejn qalet li hemm kuntratturi li jitolbu li jkollhom polza ta’ assigurazzjoni iżda ma jsibu lil ħadd li jaċċettahom.

Hija qalet li kuntratturi li jiffurmaw parti mill-Kamra tal-SME’s mhumiex kuntenti b’dawk li qed jissejħu ‘cowboys’ f’dan is-settur.

Meta mistoqsija dwar il-ħaddiema barranin li jaħdmu f’dan is-settur tal-kostruzzjoni, Abigail Mamo qalet li xi kultant ikun hemm kuntratturi li jaffaċċjaw problemi minħabba dokumenti foloz ta’ dawn il-ħaddiema. Dan hekk kif hemm nuqqs ta’ ħaddiema Maltin li jridu jaħdmu f’dan is-settur. Qalet li hemm bżonn ta’ sistema aħjar, li biex kuntrattur iħaddem ħaddiema barranin, trid tintwera prova li dawn għandhom esperjenza jew kapaċità f’dan is-settur.

Abigal Mamo qalet li ma jistax ikun li kulħadd jagħmel ir-regoli tiegħu għal dan is-settur. Filfatt tkellmet fuq l-importanza li jkun hemm xi forma ta’ ‘skill card’ għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni.

Jitla’ jixhed il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Jesmond Muscat. Huwa preżenta l-accounts għas-snin 2021 u 2022 tal-BCA kif ukoll il-minuti tal-laqgħat fejn ġiet diskussa l-mewta ta’ Jean Paul Sofia.

Charles Deguara jistaqsi dwar l-amalgamazzjoni tal-BICC u l-BCA fejn Muscat qal li eventwalment din il-ħaġa trid issir għax huwa importanti ferm li jaħdmu flimkien.

Is-seduta li jmiss se ssir fit-18 ta’ Settembru, bl-Imħallef juri t-tħassib tiegħu li l-inkjesta pubblika ma tkunx konkluża fi żmien ħames xhur.

AKTAR KMIENI:

Għal xhur sħaħ, il-Gvern baqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.

Dawn huma is-seba’ aspetti li qed tinvestiga l-Inkjesta:

  1. Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
  2. Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
  3. Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
  4. Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
  5. Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
  6. Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
  7. Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.