Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Investigat każ xokkanti dwar is-suwiċidji assistiti

Il-Pulizija Britannika qed tikkuntattja ammont sinifikanti ta’ nies, fost iż-żjarat lir-residenzi, b’konnessjoni mal-imwiet ta’ għexieren tan-nies fir-Remnju Unit wara li huma kienu xtraw sustanza velenuża mingħand bejjiegħ fil-Kanada.

Il-bejjiegħ, Kenneth Law, kien arrestat xi xhur ilu f’Toronto u qed ikun akkużat bħala ‘protagonista f’diversi każi ta’ suwiċidju assistit’.

Madankollu, in-National Crime Agency ma kkonfermatx jekk il-kimika kenitx il-kawża diretta għal talanqas 88 mewta, anki jekk bdiet xorta waħda investigazzjoni kriminali. Intant, il-pulizija qed tfittex ix-xerrejja tas-sustanza potenzjali fost sinjali li Law kien qed juża numru ta’ websajts biex ibiegħ ‘sustanzi u tagħmir biex in-nies isibuha aktar faċli biex ineħħu ħajjithom’.

L-awtoritajiet Kanadiżi jaħsbu li Law kien bagħat mal-1,200 pakkett lin-nies f’aktar minn 40 pajjiż għalkemm ma jafux kemm minn dawn il-pakketti kien fihom is-sustanzi velenużi. Fl-istess ħin, il-media tinsab attenta biex ma ssemmix il-kimika li allegatament kienet qed tinbiegħ minn Kenneth Law.