Internazzjonali

Ir-Russja: Il-Kremlin jirribatti l-għajdut li l-Kap tal-Wagner inqatel fuq direttiva ta’ Putin

Il-Kremlin f’Moska qed jiċħad kategorikament li l-ogħla tmexxija – f’dan il-każ il-President Russu Vladimir Putin – ħareġ direttiva speċifika biex jinqatel Yevgeny Prigozhin,  il-Kap tal-grupp Wagner magħmul mill-paramilitari merċenarji u li sa ftit ilu kien it-tieni l-aktar persuna influwenti fir-Russja.

Il-kelliem uffiċjali għal Putin, Dmitry Peskov, tenna li kull spekulazzjoni li l-President Russu u r-reġim ta’ Moska kellhom xi sehem fil-mewt kważi ċerta ta’ Prigozhin mhi xejn ħlief gidba sfaċċata. Dan waqt li hu mill-ġdid offra l-kondoljanzi lill-familji tal-passiġġieri, fosthom Prigozhin, u l-membri tal-ekwipaġġ li tilfu ħajjithom fl-isplużjoni tal-ajruplan li kien qed jivvjaġġa minn Moska lejn San Pietruburgu.

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit, li qed juża diversi sorsi ta’ informazzjoni, qal li l-probabbiltà li Prigozhin inqatel fl-isplużjoni huma ‘bejn it-98 u l-100 fil-mija’.  Madankollu – u waqt li r-Russja ma ħarġet l-ebda konferma uffiċjali — il-Ministeru Britanniku għamilha ċara li ma jridx jgħaġġel bil-konklużjonijiet fost kummenti li għad ma hemmx il-provi definittivi dwar id-destin tal-Kap tal-Wagner.

Ingħad ukoll li Prigozhin dejjem kien jieħu l-miżuri tas-sigurtà’eċċezzjonali’ u meta lanqas il-President Putin, waqt diskors, nhar il-Ħamis, dwar Prigozhin ma kkonferma l-mewt tal-eks alleat tiegħu. Intant, ir-Renju Unit, bħalissa, qed jikkollabora mal-Alleati tal-Punent biex huma jifhmu aħjar x’wassal għall-qerda tal-ajruplan ta’ Prigozhin.

Il-Ministeru Britanniku għall-Affarijiet Barranin sadanittant innota li t-telfa ta’ Prigozhin ħalliet kriżi fit-tmexxija tal-grupp Wagner u jiddubita kemm il-merċenarji se jsibu Mexxej suċċessur ‘bl-istess kwalitajiet brutali u kapaċitajiet għat-tmexxija’ daqs l-eks-alleat ta’ Putin. Il-Viċi-Kap ta’ Prigozhin, Dimitry Umkin ukoll miet fit-tiġrif tal-ajruplan u t-telfa tiegħu wkoll ħalliet impatt devastanti għall-grupp li spiċċa ftit jew wisq distabbilizzat.

Il-Kremlin sadanittant baqa’ jinsisti li l-Punent għandu l-ħsieb speċifiku li jwaħħal il-qtil ta’ Prigozhin fit-Tmexxija tar-Russja irrispettivament mill-fatti. L-istqarrija kompliet li l-fatti dwar id-destin ta’ Prigozhin għandhom ikunu ċarati waqt l-investigazzjoni uffiċjali li għaddejja rigward il-qerda tal-ajruplan.

Fi żviluppi oħra, il-Viċi-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Rybakov, ikkritika lill-President tal-Istati Uniti Joe Biden talli qal li ‘mhux sorpriż bl-aħbar dwar Prigozhin peress li kull azzjoni mill-Istat tar-Russja bilfors irid ikollha s-siġill ta’ Vladimir Putin’. Rybakov qal li l-kumment mhux aċċettabbli filwaqt li akkuża lill-Istati Uniti b’li qed tipprova timmanipula l-verità għall-interessi tagħha,.