Lokali

L-ISKANDLU TAX-XIRI TA’ VOTI: Il-Kummissarju ma jweġibx jekk sejjaħx uffiċjali tal-Labour jew persuni f’Kastilja

Persuna waħda ċaħdet l-allegazzjonijiet

Il-Kummissarju Angelo Gafa’ baqa’ fommu magħluq meta mistoqsi jekk sejjaħx uffiċjali minn Kastilja jew mill-Partit Laburista wara li faqqa’ l-iskandlu tal-allegati voti mixtrija permezz ta’ ID Cards ta’ persuni mejtin – skandlu li faqqa’ din il-ġimgħa wara rikors preżentat fil-Qorti minn whistleblower.

Dan ir-rikors, preżentat minn Adel Ali Hassan, kixef din l-iskema kriminali li permezz taghha diversi barranin li jkollhom ċittadinanza Maltija u jkunu mietu, ma jinħarġilhomx ċertifikat tal-mewt – iżda id-dettalji tagħhom, inkluż in-numru tal-Karta ta’ Identità tagħhom, jiġu trasferiti fuq barranin oħra f’Malta biex dawn ikunu jistgħu jivvutaw għall-Partit Laburista.

Ir-rikors, iffirmat mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, jindika illi Adel jaf dettalji ta’ somom ta’ eluf kbar ta’ ewro li tħallsu u għaddew mill-idejn biex dawn tal-aħħar jinghataw il-Karta tal-identità Maltija bid-dritt tal-vot.

Immedjatament malli faqqa’ dan il-każ, Net News kien bagħat sensiela ta’ domandi lill-Kummissarju Gafa. Iżda għalkemm wieġeb lura wara tliet ijiem, fit-tweġiba tiegħu ma qalilniex jekk sejjaħx xi ħadd minn Identity Malta jew jekk interrogax lil persuni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Kummissarju qalilna biss illi dawn l-allegazzjonijiet qatt ma kienu ġew għall-attenzjoni tiegħu qabel, u immedjatament għamel kuntatt ma’ wieħed miż-żewġ avukati li ffirmaw ir-rikors.

Gafa qalilna li l-Pulizija għamlet kuntatt mal-whistleblower li bħalissa jinsab barra minn Malta, sabiex l-allegazzjonijiet magħmula minnu jiġu sostanzjati.

Interessanti l-fatt illi skont il-Kummissarju, il-Pulizija kellmet persuna waħda biss – u mill-investigazzjonijiet magħmula kkonfermaw li l-allegazzjonijiet, skont dak li qalet din il-persuna, huma infondati.

Il-Kummissarju ma tax dettalji kemm hemm persuni implikati f’dan l-iskandlu. U ma qalx lanqas kif se jissoktaw l-investigazzjonijiet sabiex toħroġ il-verità kollha.