Sport Sport Ieħor

L-Istat ta’ Victoria jħallas €222 miljun f’kumpens għal-Logħob tal-Commonwealth tal-2026

Sar qbil li l-istat ta’ Victoria fl-Awstralja jħallas €222 miljun biex jagħmel tajjeb wara li Victoria ħassret l-organizazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth tal-2026.

Il-€222 miljun se jitħallsu lill-Commonwealth Games Federation, lill-Commonwealth Games Federation Partnerships u lill-Commonwealth Games Australia, għalkemm l-analiżi ta’ kif tqassmu l-flus ma ġietx żvelata.

L-eks imħallef ta’ New Zealand, Kit Toogood u l-eks Prim Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Punent tal-Awstralja Wayne Martin kienu bħala medjaturi konġunti, wara li l-partijiet qablu li jirreferu t-tilwima għall-medjazzjoni. Il-Prim Ministru tal-istat ta’ Victoria Daniel Andrews meta ħabbar li Victoria kienet qed tirtira milli torganizza l-Logħob qal li hu mhux se jieħu flus mill-isptarijiet u l-iskejjel biex jiffinanzja avveniment li huwa tliet darbiet l-ispiża stmata skont l-estimi għas-sena ta’qabel.

Huwa sostna li l-baġit oriġinali previst għall-avveniment ta’ €1.5 biljun issa kien mistenni li jkun €3.6 biljun. L-avukati ta’ Victoria 2026 iltaqgħu Londra x-xahar li għadda biex jippruvaw jilħqu ftehim ta’ kumpens mal-Commonwealth Games Foundation iżda t-taħdidiet fallew. Minkejja dan il-President tal-Commonwealth Games Federation, Dame Louise Martin qalet li hija fiduċjuża li l-Logħob tal-Commonwealth se jseħħ fl-2026 u fl-2030.

L-Assemblea Ġenerali tas-CGF ta’ din is-sena għandha ssir f’Singapore mill-11 sal-14 ta’ Novembru