Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-kontro-offensiva tal-Ukreni għandha kull ċans li tirnexxi minkejja n-nuqqas ta’ progress

 

L-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, irrappurtat li l-Armata tagħha qed tavviċina l-inħawi ta’ Melitopol, lejn ix-xlokk tal-pajjiż, bħala parti mill-kontro-offensiva li ilha tmexxi għal xhur bl-iskop li tillibera numru ta’ bliet mill-okkupazzjoni tal-qawwiet Russi.

Sadanittant, l-Ogħla Ġeneral tal-Istati Uniti, Mark Milley qal li għalkemm il-kontro-offensiva tal-Ukreni mhix tikseb daqstant riżultati sinifikanti huma xorta fadlilhom riservi militari validi ħafna li jistgħu jaqilbu l-bilanċ tal-gwerra fil-jiem li ġejjin.

Ir-Russi kellhom ħafna żmien biex jippreparaw id-difiżi (fl-Ukrajna) għal kontra l-avvanzi tat-truppi Ukreni u Milley qal li mhux faċli li l-Ukreni jkeċċu xi 200,000 jew 300,000 suldati Russi miz-zoni li qed jiddefendu.

Fl-istess ħin, il-Ġeneral Milley xorta hu ottimist li l-kampanja militari tal-Ukreni għandha tirnexxi bħala parti mill-impenn biex l-Ukrajna tibqa’ pajjiż ħieles, sovran u indipendenti minkejja sena u nofs ta’ assedju kontinwu mill-qawwiet ta’ Putin.