Lokali

Mistenni li joħroġ mandat t’arrest għall-koppja Maltija

L-awtoritajiet Maltin jinsabu fil-proċess sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għal Jomic Calleja Maatouk kif ukoll għal martu Marzia Maatouk.

S’issa….kollox qed jindika li ma kien hemm l-ebda rapport li l-koppja telqet minn Malta b’ajruplan jew bil-baħar u allura minhabba f’hekk hemm tħassib li l-koppja telqet mill-pajjiż permezz ta’ passaport falz.

Possibbilta oħra hi li l-koppja qasmet lejn Sqallija bil-baħar u saqu mill-Italja.

Jidher li l-koppja bħalissa tinsab maħruba fis-Serbja, iżda din għadha ma ġietx konfermata.

Mistoqsijiet mibgħuta minn Net News lill-Pulizija baqgħu mhux imwieġba, fejn lanqas ingħatajna konferma dwar il-Mandat ta’ Arrest.

Ir-raġel ta’ 36 sena kien instab ħati f’Lulju li għadda tant li weħel ħames snin ħabs, iżda ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li appella għas-sentenza li ngħata.

Qraba tal-koppja qalu li għal jiem sħaħ, Jomic naqas milli jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija; meta din kienet waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Iżda s-suspett kiber meta Marzia Maatouk ma marritx għax-xogħol.

Marzia Maatouk – li għandha 23 sena – kienet ġiet ikkundannata 15-il xahar ħabs wara li nqabdet b’pussess ta’ droga. Dan il-każ imur lura għal Awwissu tal-2019 meta hi kellha 19-il sena.

Jomic Calleja Maatouk għandu rekord kriminali mhux żgħir kif ukoll mhux l-ewwel darba li ħarab mill-pajjiż meta kien jinsab fuq bail. Fl-2015, hu kien ġie arrestat abbord ferrovija fi Sqallija li kienet sejra lejn l-Italja, wara li telaq minn Malta meta kien qed jaffaċċja proċeduri kriminali relatati mat-traffikar tal-kannabis.