Lokali

Nofs triq fil-Belt Valletta spiċċat miksija bil-konkos

Din hi sitwazzjoni li ilna naraw għal diversi snin – għalkemm issa, wara l-aħħar qtugħ li kellna fil-provvista tal-enerġija, qed narawha aktar frekwenti. Sitwazzjoni fejn l-Enemalta tħaffer triq, issewwi il-ħsarat, u wara li tagħlaq il-gandott tiksi kollox bil-konkos.

Dan seħħ ukoll fi Triq San Ġwann fil-Belt Valletta fejn din il-ġimgħa saru xogħolijiet mill-Enemalta; bil-pavimentar jinqala’ kompletament – u bit-triq tispiċċa nofsha miksija bil-konkos.

Bosta persuni fuq il-midja soċjali qalu li hi ta’ mistħija kbira li toroq fil-belt kapitali spiċċaw f’dan id-diżastru. Dan apparti inkonvenjent anke għar-residenti infushom.

Mhux biss Triq San Ġwann fil-Belt Valletta tinsab f’dan l-istat. Iżda anke Pjazza Jean De La Vallette tħalliet miksija bil-konkos u f’telqa.

Din it-tema wasslet ukoll għal battibekk jaħraq fuq Facebook, fejn is-Sindku Laburista infexx jattakka lill-minority leader Christian Micallef u prova jiġġustifika dak li sar ħażin.