Lokali

Roberta Metsola żżur it-Tempji ta’ Skorba fl-Imġarr

“Il-Patrimonju u l-Kultura huma l-qalb u r-ruħ ta’ pajjiżna”

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-wirt kulturali ta’ pajjiżna għandu jingħata limportanza li jixraqlu. “Il-patrimonju u l-kultura m’humiex sekondarji imma huma l-qofol, il-qalb u r-ruħ ta’ pajjiżna.”

Il-President Metsola qalet dan waqt laqgħa u żjara fit-Tempji ta’ Skorba fl-Imġarr, flimkien mas-Sindku Paul Vella, kunsilliera tal-istess raħal, rappreżentanti ta’ Heritage Malta fosthom Kenneth Gambin u Maria Elena Zammit, u deputati.

“Tempji ta’ dan it-tip jikkontribwixxu għall-identità tagħna, huma parti importanti ħafna mill-patrimonju ta’ pajjiżna u għandna nagħmlu dak kollu li hu possibbli mhux biss biex nippreservawhom, imma wkoll biex inxerrdu l-għarfien dwarhom – kemm mal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll mat-turisti. Meta nibdew
napprezzaw iżjed dak li għandna, u nipproteġuh, nirrealizzaw aktar kemm pajjiżna hu mogħni b’wirt
imprezzabbli,” qalet il-President Metsola.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-Unjoni Ewropea tagħraf li l-patrimonju f’pajjiżi Ewropej
għandu jiġi protett u se tkompli tkun ta’ spalla għall-proġetti kulturali u siti storiċi, kif diġa kienet fil-passat. “Il-wirt ta’ kull pajjiż huwa kruċjali għall-valuri Ewropej, għal dak li jagħmilna Ewropej,” saħqet l-MEP Maltija.

Fi stqarrija maħruġa il-Ġimgħa filgħodu, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qal li l-President tal-Parlament Ewropew irrimarkat dwar l-importanza biex ma jkunx hemm theddida jew periklu fuq żoni fejn hemm patrimonju.

“Il-wirt li għandna nipproteġu jvarja minn tempji bħal dawn għal niċċa li tista’ tkun fuq dar, jew muxrabija,
fost l-oħrajn. Fil-wirt storiku, anki fl-affarijiet li jidhru żgħar hemm ħafna kobor.”
Is-Sindku tal-Mġarr Paul Vella saħaq li kulħadd għandu r-responsabiltà li jħares siti storiċi bħal Skorba biex jibqa’ jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri. “Hemm bżonn ta’ investiment finanzjarju biex isiru interventi kemm fuq livell arkeoloġiku u strutturali tas-siti, kif ukoll fuq it-tixrid tal-għarfien fost l-oqsma kollha tassoċjeta’,” qal is-Sur Vella.

Huwa qal li għandha titkattar l-informazzjoni dwar il-wirt li jeżisti fil-pajjiż biex il-ġenerazzjonijiet li għad
iridu jiġu ikunu jistgħu japprezzawh aħjar. Fi tmiem iż-żjara, s-Sindku tal-Mġarr ippreżenta lill-President
Metsola kopja tal-istudju li kien ħareġ Dr David Trump dwar it-tempju ta’ Skorba fis-snin sittin u li kien kważi għeb għal kollox. Il-ktieb ġie ippublikat b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, b’ritratti professjonali talfotografu Daniel Cilia.