Bħalissa għaddej il-Kampjonat Dinji tal-Ironman 70.3, fejn minn 6,000 parteċipant qed jieħdu sehem 5 atleti Maltin li huma Neil Falzon, Lindsey Zammit, Stefan Borg, Mario Muscat u Danica Bonello Spiteri.
L-Ironman 70.3 tikkonsisti fi tlett tiġrijiet differenti, fejn tibda b’1.9km ta’ għawm, sussegwentament il-parteċipanti jieħdu vjaġġ ta’ 90km bir-rota, u fl-aħħar jikkonkludu b’ġirja b’21.1km.
Sabiex wieħed jikkwalifika għal dan l-avveniment, għandu jikseb riżultat tajjeb fil-kategorija rispettiva tiegħu, f’diversi kategoriji bħal dik tal-eta’, sess u distanzi ta’ tiġrijiet.
Is-Sibt filgħodu kmieni saret l-ewwel tellieqa tal-kompetizzjoni bil-kategorija tan-nisa tagħti bidu għal dawn l-avvenimenti. Il-kontinġent Malti kien rappreżentat minn Lindsey Zammit u Danica Bonello Spiteri.
Bonello Spiteri temmet it-tiġrija tagħha wara total ta’ 5 siegħat, 12-il minuta u 10 sekondi, fejn spiċċati fl-490 post minn 2,004 atleta feminili, filwaqt li Zammit temmet wara 5 siegħat, 51 minuta u 29 sekonda fejn spiċċat fl-1,301 post.
Il-Ħadd filgħodu jmiss li jikkompetu l-atleti fil-kategorija maskili, bil-kontinġent Malti jkun magħmul minn Stefan Borg, Mario Muscat u Neil Falzon. It-tellieqa tibda kmieni fis-6:30am, u wara xhur ta’ taħriġ, l-atleti Maltin jittamaw li jkomplu fuq ir-riżultati tajbin li kisbu s’issa.
L-atleta Lindsey Zammit ftit siegħat qabel it-tellieqa tas-Sibt filgħodu tal-Ironman 70.3
//= $special ?>