Il-Ġimgħa filgħaxija ġew irkuprati 10 katavri u l-flight recorders mit-tiġrif tal-ajruplan li fih tilef ħajtu l-kap tal-grupp Wagner Yevgeny Prigozhin.
Dan ġie spjegat mill-Awtoritajiet Russi fejn sostnew li issa qed issir l-awtopsja sħiħa fuq il-kadavri misjuba.
L-ajruplan iġġarraf ‘il barra minn Moska nhar l-Erbgħa wara nofsinhar. U s’issa… ma waqfux l-ispekulazzjonijiet li l-ajruplan seta’ twaqqa’ mir-Russi stess permezz ta’ bomba jew missila.
Kelliem għal Vladimir Putin insista li hija gidba li l-Kremlin ta xi tip ta’ ordni biex jinqatel Prigozhin.
F’Ġunju li għadda, l-istess Prigozhin kien mexxa lill-armata tal-Wagner sal-limiti ta’ Moska qabel waqqaf l-avvanz tieghu fuq il-Kremlin – attentat ta’ Kolp ta’ Stat illi ħammar wiċċ Vladimir Putin.
Abboard il-jet privat kien hemm Prigozhin, l-id il-leminija tiegħu Dmitry Utkin, 5 passiġġieri oħrajn u 3 membri tal-ekwipaġġ.
Minkejja dan kollu, s’issa l-kelliem għal Kremlin, Dmitry Peskov għadu qatt ma kkonferma b’ċertezza li li Prigozhin kien abboard l-ajruplan meta twaqqa.
Intant il-President Russu Vladimir Putin sejjaħ lill-membri kollha tal-grupp Wagner kif ukoll merċenarji oħrajn sabiex jaħilfu alleanza mal-istat Russu.
Dan japplika għal kull min qiegħed jipparteċipa fil-gwerra fl-Ukrajna favur Moska fuq il-front tad-difiża Russa.
Dan qalb il-biża’ li wara l-mewt tal-mexxej tagħhom Yevgeny Prigozhin, se jerġgħu jduru u jimmarċjaw lejn Moska.
Intant, is-Sibt filgħaxija parti estremista mill-grupp Wagner magħrufa bħala Rusich ħabbru li se jkunu qed iwaqqfu kull operazzjoni fl-Ukrajna.
Dan hekk kif akkużaw lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja li naqsu milli jiddefendu lill-fundatur tagħhoom Yan Petrovsky wara li kien arrestat fil-Fillandja…u qed iħabbat wiċċu ma estradizzjoni lejn l-Ukrajna.
Intant esperti minn Londra saħqu li Putin qed jitlob aktar kontroll regimentali fuq il-grupp Wagner sabiex jassigura li fil-ġejjieni ma jkollux iħabbat wiċċu ma’ kriżi oħra bħal ma seħħ lura f’Ġunju ta’ din is-sena.
//= $special ?>