Lokali

Is-Slimiżi jsejħu protesta dwar il-kwalità

Aktar ma jgħaddu l-ġimgħat, aktar iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed jixbgħu fgati fi trab, telqa, ħmieġ u skart madwar il-pajjiż.

Ħarġu jipprotestaw f’diversi lokalitajiet – b’diversi residenti fosthom mill-Gżira, Birkirkara, Mosta, San Pawl il-Baħar, Valletta, San Ġiljan u Sliema jistqarru ma’ Net News li ma jifilħux iżjed jibqgħu jiġu injorati.

Matul il-jum tas-Sibt tħabbar li r-residenti ta’ Tas-Sliema se jkunu qed jorganizzaw protesta t-Tlieta filgħaxija fuq sfidi deskritti minnhom bħala theddida għal kwalità tal-ħajja.

F’posters mwaħħla madwar il-lokalità u mqassma fir-residenzi qed jingħad li l-protesta se tkun kontra t-telqa u l-iskart li jitħalla madwar tas-Sliema fost oħrajn.

Residenti li tkellmu ma’ Net News saħqu li s-sitwazzjoni m’għadhiex sostenibbli.

Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni tar-Residenti ta’ Tas-Sliema qed torganizza din il-protesta għal nhar id-29 ta’ Awwissu f’Fond Għadir.

Preżentament il-lokalità ta’ Tas-Sliema hija waħda mill-aktar iffullati fil-Gżejjer Maltin – popolari kemm mat-turisti kif ukoll man-numru kbir ta’ persuni barranin li qed jiġu joqgħodu f’pajjiżna.

Fl-aħħar jiem is-Sindku Nazzjonalista John Pillow kien saħansitra b’inizjattiva tiegħu beda kampanja kontra l-iskart li jinħareġ mhux fil-ġurnata ddiżinjata – sforz in-nuqqas ta’ infurzar madwar il-gżejjer.